Atletika Sport

Jibda s-smigħ fil-qorti f’Pariġi fil-konfront tal-eks Kap tal-Assoċjazzjoni Dinjija tal-Atletika Lamine Diack

(Ritratt: EPA)

L-eks Kap tal-Assoċjazzjoni Dinjija tal-Atletika Lamine Diack ħareġ mid-dar tiegħu hekk kif illum beda s-smigħ fil-qorti dwar l-akkużi ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus b’rabta mal-iskandlu tad-doping tar-Russja. Il-prosekuturi qed jallegaw li hu talab €3.45 miljuni mill-atleti li kienu suspettati dwar doping biex jgħatti l-allegazzjonijiet u jħallihom ikomplu jikkompetu nkluż fl-Olimpjadi ta’ Londra fl-2012.

Diack li għalaq 87 sena lbieraħ, ċaħad li għamel xi ħaġa ħażina filwaqt li l-avukati tiegħu qalu li l-akkużi kontrih huma bla bażi. Diack kien President tal-IAAF (illum World Athletics) bejn l-1999 u l-2015 u f’dak iż-żmien kien wieħed mill-aktar persuni influwenti fl-isport. Hu kien jinsab arrestat fid-dar tiegħu f’Pariġi u jekk jinstab ħati jista’ jeħel sa 10 snin ħabs. Il-proċess ġudizzjarju kellu jibda f’Jannar iżda kien ġie pospost wara li ddaħlu dokumenti ġodda l-qorti minn ibnu Papa Massata Diack.