Futbol Sport

Jitneħħew il-parametri tat-trasferimenti tal-plejers b’deċiżjoni mill-Kunsill tal-MFA … sodisfazzjon mill-MFPA

(Ritratt: Matthew Tabone)

Il-Kunsill tal-MFA finalment wasal għad-deċiżjoni li l-parametri tal-plejers professjonali jispiċċaw fi tmiem il-kuntratt. Din id-deċiżjoni tista’ titqies storika hekk kif il-kwistjoni tal-parametri ilha tidwi fil-futbol lokali għal snin. Id-deċiżjoni tħalli effett ukoll fuq il-plejers amateurs kollha li bħal dawk professjonali, huma liberi li jiċċaqalqu skont it-termini maqbula.

Il-kumpens li jitħallas biex tfal fin-nurseries jiċċaqalqu minn nursery għal oħra, se tkun qed tispiċċa wkoll skont l-etajiet rispettivi. Bidla oħra hi li l-kumpens għat-taħriġ tal-plejers skont ir-regolamenti tal-FIFA, issa jrid jibda jitħallas qabel issir reġistrazzjoni ta’ plejer minn amateur għal professjonali.

Fil-laqgħa tal-Kunsill tħabbar ukoll li mill-1 ta’ Lulju, kull trasferiment internazzjonali ta’ plejers kemm professjonali kif ukoll amateurs, irid ikun irreġistrat fit-TMS (Transfer Matching System) tal-FIFA. Dan il-pass iġib fi tmiemu proċess ta’ ħames snin kemm b’laqgħat tad-Djalogu Soċjali kif ukoll permezz ta’ riforma tal-Players Status li bdew jiġu implimentati xi ideat fl-2015.

Sodisfazzjon mill-MFPA

“Illum hi ġurnata ta’ ferħ u ċelebrazzjoni. Is-sistema tal-Parametri f’Malta tneħħiet mill-Kunsill tal-MFA. Nirringrazzjaw lil dawk kollha nvoluti, speċjalment lill-uffiċjali tal-MFA li ffurmaw parti mid-Djalogu Soċjali kif ukoll lir-rappreżentanti tal-klabbs.” L-istqarrija tal-MFPA qalet li din il-kwistjoni tal-parametri kienet waħda mir-raġunijiet għaliex twaqqfet l-MFPA u ssejjaħ din id-deċiżjoni probabbilment bħala l-akbar rebħa tal-assoċjazzjoni.

Dwar il-kumpens tal-plejers żgħażagħ, l-MFPA qalet li kienet marret quddiem l-awtoritajiet relevanti fosthom il-Kummissarju tat-Tfal, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Kummissjoni Ewropea. Huma qalu li din il-kisba ssaħħaħ id-determinazzjoni tagħhom li jkomplu bil-ħidma.