Rugby Sport

Magħruf il-proċess ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2023 tar-Rugby

(Ritratt: EPA)

Il-World Rugby ħabbret il-proċess tal-fażi ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-2023 li se ssir fi Franza bl-għan li tagħti opportunità ġenwina lil kulħadd. Iċ-champions tad-dinja l-Afrika ta’ Isfel, l-Ingilterra, New Zealand, Wales, il-Ġappun, Franza, l-Awstralja, l-Irlanda, l-Iskozja, l-Italja, l-Arġentina u Fiji diġà kkwalifikaw minħabba li spiċċaw fl-ewwel tliet postijiet fil-gruppi rispettivi waqt it-Tazza tad-Dinja tas-sena li għaddiet.

Seba’ postijiet oħra se jkunu magħżula minn gruppi ta’ kwalifikazzjoni mill-kontinenti differenti filwaqt li tournament bejn erba’ nazzjonijiet se jiddetermina l-20 tim li jikkwalifika. Iċ-chairman tal-World Rugby Bill Beaumont qal li dan il-proċess se jagħti opportunità ġenwina lill-assoċjazzjonijiet biex jikkwalifikaw.

Il-kontinenti tal-Ewropa u tal-Amerika se jkollhom żewġ postijiet filwaqt li l-kontinent Afrikan u tal-Oċeanja għandhom post kull wieħed. Play-off bejn pajjiż mill-Oċeanja u ieħor mill-Asja jiddeċiedu l-aħħar pajjiż li jikkwalifika b’mod dirett. It-tellief ta’ dan il-konfront jingħaqad mat-tielet tim fl-Amerika, it-tielet fir-Rugby Europe u l-finalist fit-Tazza Afrikana biex jiġi l-aħħar post. Dawn il-logħba huma skedati għal Novembru tal-2022.