Lokali

“Mini-budget li ma indirizzax biżżejjed lill-ħaddiema u l-familji tagħhom” – UĦM

Il-Gvern ħaseb iżjed fin-negozji u naqas milli jgħin lill-ħaddiema u l-familji tagħhom. Dan qalu Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers fl-ewwel reazzjoni tiegħu dwar il-pjan għar-riġenerazzjoni tal-ekonomija mħabbar mill-Gvern it-Tnejn 8 ta’ Ġunju 2020.

Hu qal li l-wegħda li għamel il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) biex jitħallsu l-€400 min-naħa ta’ min iħaddem għandha tiġi onorata. L-imsieħba soċjali fl-MCESD kienu ftehmu li l-Gvern joħroġ €800, min iħaddem joħroġ €400 u l-kumplament ikunu qed iċeduh il-ħaddiema.

Sfortunatament hawn ħafna ħaddiema li ma rċevewx l-€400 għax l-employers ġew skużati. Il-UĦM Voice of the Workers qed tisħaq li l-ħaddiema m’għandhomx ibatu milli jirċievu l-€400. “Dak kien il-ftehim u l-ftehim għandu jiġi onorat”, sostna Josef Vella.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers stqarr li l-fatt li dan il-mini-budget qed jagħti spinta ‘l quddiem lill-ekonomija, wieħed irid jara li l-allowances lill-ħaddiema ma jkomplux jitnaqqru. Din il-union ukoll qed tippretendi li t-take-home-pay tiġi lura għannormal.

Barra minn hekk, il-UĦM Voice of the Workers tinsab diżappuntata li l-frontliners ma ngħatawx kumpens mixtieq u li kien mistenni għalihom. Dawn kienu ħaddiema li kienu fuq quddiem fil-battalja tal-COVID-19. Il-UĦM kienet qed tistenna inċentivi dwar il-green economy kemm minħabba lindustrija kif ukoll għall-familji.

Tali inċentivi jistgħu jgħinu lill-ħaddiema u l-familji tagħhom biex jinvestu f’pannelli fotovoltajċi bl-iskop li jkollhom tnaqqis fil-kont taddawl. Min-naħa l-oħra, din il-union tilqa’ b’mod pożittiv il-vouchers li ngħataw lill-familji, partikularment dawk li għandhom ulied ‘il fuq minn 16-il sena. Imma l-UĦM kienet qed tippretendi li dawk il-familji li għandhom tfal taħt is-16-il sena wkoll jibbenefikaw.

Il-UĦM innotat it-tnaqqis fil-kont tad-dawl għall-ħwienet, inċentiv pożittiv li din il-union iżda kienet qed tippretendi li jkun indirizzat ukoll lejn il-ħaddiema. “F’dan il-perijodu, ħafna ħaddiema ħadmu mid-dar u l-konsum tad-dawl u tal-ilma żdied u mhux naqas”, sostna Josef Vella.

Dwar it-traħħis ta’ seba’ ċenteżmi fil-fjuwil, li jista’ jgħin lill-familji, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers qal li dan ir-roħs ukoll se jgawduh l-employers. “Kont nippretendi li s-sitwazzjoni tkun bilanċjata fejn il-ħaddiema wkoll jibbenefikaw”, żied Josef Vella.

Rigward it-telework, din il-union kienet qed timbotta li dan l-inċentiv ikun policy nazzjonali għad huwa t-triq ‘il quddiem fid-dinja tax-xogħol. Madankollu, għalkemm it-telework issemma fil-pjan tal-Gvern, ma tħabbar ebda pjan nazzjonali f’dan il-livell. Josef Vella saħaq li dan il-mini-budget qed jindirizza lill-industrija imma mhux daqstant lill-familji fil-faxxa tan-nofs u wisq inqas liż-żgħir.

Hu qal li d-daqqa ekonomika kienet hemm u d-daqqa soċjali wkoll kienet hemm tant li l-Gvern għandu jiftakar li lfamilji batew matul din il-pandemija u għalhekk iridu jingħataw l-għajnuna kollha sabiex iqumu fuq saqajhom. Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers stqarr li huwa important li l-employers jiġu megħjuna imma l-ħaddiema għandu jkollhom iżjed flus fil-but tagħhom, iżjed purchasing power.

Hu qal li għalkemm il-pjan tal-Gvern ikopri miżuri biex jgħinu lillindustrija, il-familji ntesew u m’hemmx biżżejjed inċentivi għalihom. “Irrid nara li linċentivi jkunu indirizzati lill-firxa wiesa’ ta’ ħaddiema”, kompla Josef Vella. Il-UĦM Voice of the Workers tirrikonoxxi li l-pjan għar-riġenerazzjoni tal-ekonomija għandu numru ta’ miżuri pożittivi iżda xtaqet iżjed.

Ikkummenta