Lokali

“Ebda għajnuna għall-familji” – Adrian Delia

Nuqqas ta’ viżjoni assoluta fil-pjan ta’ riġenerazzjoni ppreżentat mill-Gvern hekk kif nesa’ kważi għal kollox lill-familji. Hekk iddeskriva dak li l-Gvern ressaq bħala l-pjan biex isalva l-ekonomija, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, li qal li l-pjan tal-Gvern wasal nofs triq għax ħalla lill-familji jġorru l-piżijiet tad-dawl u l-ilma.

Adrian Delia, fl-ewwel reazzjoni tiegħu eżatt wara l-preżentazzjoni tal-Gvern qal li dak li propona llum il-Prim Ministru Robert Abela jixhed li l-Gvern jinsab għal kollox bla pjan u li bla viżjoni u li dawn il-miżuri ma jagħtu ebda direzzjoni fejn se ssir ir-riġenerazzjoni, liema setturi se nixprunaw.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kkritika wkoll in-nuqqas ta’ inċentivi fejn jidħol it-turiżmu, u minbarra li jħeġġeġ it-turiżmu intern, il-Gverna baqa’ ma għamel xejn biex iħajjar turiżmu barrani lejn pajjiżna, waqt li pajjiżi oħra qed joffru pakketti attraenti.

Adrian Delia qal li dawk in-negozji li l-Gvern nesa tul il-pandemija u li tħallew barra minn skedi A u B reġgħu intesew issa, u esprima d-dispjaċir ukoll għall-fatt li l-Gvern ħalla għal kollox barra minn dan il-pjan lil dawk li mexxew il-pajjiż fl-aħħar xhur biex ħarġuh mill-pandemija, jiġifieri il-frontliners, li Delia qal, ħadu biss iċ-ċapċip.