Futbol Sport

Play-offs u play-outs jekk is-Serie A jerġa’ jieqaf

(Ritratt: EPA)

Il-Kunsill Federali tal-FIGC approva l-proposti tal-President Gabriele Gravina dwar il-futur tas-Serie A. Bi 18-il vot favur u t-tliet voti tal-Lega Serie A kontra, ġie deċiż li jekk il-kampjonat ikollu jerġa’ jieqaf, jintlagħbu l-play-off u l-play-out jekk ikun hemm iż-żmien neċessarju. Il-pjan l-ieħor hu l-algoritmu, jiġifieri l-kejl tal-punt skont il-medja.

Ftit jiem ilu, il-klabbs li jiffurmaw il-Lega Serie A, kienu pproponew li ma jkunx hemm relegazzjonijiet jekk jerġa’ jieqaf il-kampjonat filwaqt li ma jingħatax il-kampjonat, dejjem jekk fiż-żewġ sitwazzjonijiet ma jkunx hemm verdett matematiku. L-istess verdett japplika għas-Serie B.

Fl-ewwel reazzjoni tiegħu, il-President tal-FIGC Gabriele Gravina qal li rebaħ il-futbol u ntweriet konsistenza. Hu saħaq li jridu jitterminaw l-istaġun fil-pitch u kompla li l-format tal-play-off u l-play-out hi biex tirrispetta r-rikjesta tal-UEFA li jidħol il-mertu sportiv.

Monza, Vicenza u Reggina ġew promossi għas-Serie B, bir-raba’ tim promoss mis-Serie C jiġi deċiż permezz ta’ play-off. Għas-Serie C ġew promossi disa’ timijiet fosthom Palermo. It-timijiet l-oħra huma Campodarsego, Lucchese, Pro Sesto, Mantova, Grosseto, Matelica, Turris u Bitonto.

Il-kampjonat Serie A tan-nisa ġie deċiż li mhux se jitkompla. Meta kien għad fadal sitt logħbiet, Orobica u Tavagnacco ġew relegati, Napoli u Lazio ġew promossi għas-Serie A filwaqt li ma kienx hemm rebbieħ tal-kampjonat, minkejja li Juventus kellhom disa’ punti vantaġġ. Juventus u Fiorentina se jilagħbu fil-UEFA Champions League tan-nisa staġun ieħor.