Internazzjonali

Renju Unit: Protesti kontra r-razziżmu ‘imfixkla mill-vjolenza tad-delinkwenti’

Il-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, qal li uħud mill-protesti kontra r-razziżmu li saru fil-pajjiż fi tmiem il-ġimgħa ‘spiċċaw ittrasformati f’azzjonijiet vjolenti minn gruppi ta’ delinkwenti’. Johnson, li kien qed jesprimi dispjaċir għall-inċidenti tal-Ħadd fejn id-dimostranti ġġieldu mal-pulizija, sostna li filwaqt li n-nies għandhom id-dritt li jipprotestaw, l-għażla ta’ uħud biex jinfexxu fi vjolenza ‘tradixxiet il-kawża tal-istess dimostranti’.

Fi tmiem il-ħimgħa, eluf ta’ Britanniċi attendew dimostrazzjonijiet kontra r-razziżmu f’numru ta’ bliet u li, fil-parti kbira, tmexxew bil-kwiet. Intant, l-inċidenti vjolenti li qamu f’Londra nhar il-Ħadd irriżultaw f’numru ta’ pulizija feruti, b’talanqas tnax-il persuna jispiċċaw arrestati. Sadanittant, kelliema għad-dimostranti, filwaqt li kundannaw il-vjolenza, qalu li ‘l-inċidenti xorta waħda ma tellfux il-veru messaġġ tal-protesti’.

Il-pulizija fil-belt ta’ Bristol ikkonfermaw li se ssir investigazzjoni wara li gruppi ta’ dimostranti qaċċtu l-istatwa prominenti ta’ Edward Colston — negozjatur tal-iskjavi li kien jgħix fis-Seklu Sbatax — mill-pedestall u tefgħuha fl-ilma tal-port. Il-pulizija qed jirreferu għall-vandaliżmu bħala ‘att kriminali’, waqt li s-Segretarju għall-Intern, Priti Patel, ikkundannat l-azzjonijiet fi Bristol bħala ‘tal-mistħija’.

Fl-istess ħin, uffiċjali għoljin tal-Pulizija Metropolitana qalu li filwaqt li Londra, fil-parti kbira, rat id-dimostrazzjonijiet paċifiċi kien hemm ukoll waqtiet fejn il-pulizija kellhom jiffaċċjaw ‘xeni ta’ vjolenza u ksur tal-bwon ordni li kienu għal kollox inaċċettabbli’.

Fi tmiem il-ġimgħa saru wkoll dimostrazzjonijiet kontra r-razziżmu f’Manchester, Nottingham u Wolverhampton kif ukoll fi Glasgow u Edinburgh, fl-Iskozja.