Futbol Sport

Ryan Scicluna jingħaqad ma’ Sirens

(Ritratt; Sirens FC)

Sirens għamlu l-ewwel akkwist tagħhom bi preparazzjoni għall-istaġun li ġej hekk kif ħabbru l-akkwist ta’ Ryan Scicluna. Il-midfielder ta’ 26 sena ġej lagħab b’self ma’ Balzan fl-istaġun li għadda, liema esperjenza xejn ma kienet feliċi minħabba staġun mimli injuries.

Għalkemm għad għandu 26 sena, Scicluna se jkun importanti wkoll għal Sirens minħabba li diġà lagħab diversi partiti ma’ Birkirkara fil-kompetizzjonijiet Ewropej. Sirens se jkunu qed jilagħbu fil-UEFA Europa League għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom wara li kklassifikaw fir-raba’ post qabel l-istaġun twaqqaf minħabba l-coronavirus.

Ryan Scicluna daħal fl-ewwel tim ta’ Birkirkara fl-istaġun 2010/11 u matul is-snin sar plejer regolari u importanti fit-tim Karkariż. Ma’ Birkirkara, Scicluna rebaħ darba l-kampjonat, darba l-FA Trophy u darbtejn is-Super Cup. Scicluna lagħab ukoll sa issa sitt logħbiet mat-tim nazzjonali Malti.