Lokali Transport

Sħana insapportabbli fil-karozzi tal-linja – UĦM

Il-UĦM Voice of the Workers fi stqarrija qalet illi ilha għal dawn l-aħħar tliet ġimgħat tilmenta mal-Malta Public Transport (MPT) rigward sħana insapportabbli li qed ikun hemm fil-karozzi tal-linja peress li mhux qed tinxtegħel l-arja kondizzjonata. Tant hu hekk li, f’ċertu ħinijiet, it-temperatura f’dawn il-vetturi saħansitra kienet qed taqbeż id-39C.

Din is-sitwazzjoni hija ta’ riskju għas-saħħa u s-sigurtà, mhux biss għax-xufiera tal-istess vetturi li qed ikunu esposti għal dawn it-temperaturi għoljin għal sigħat sħaħ, iżda anke għall-passiġġieri. Fil-fatt, huwa ippruvat li espożizzjoni fit-tul għal temperaturi għoljin tista’ tikkawża diversi problemi ta’ saħħa.

Anke jekk il-kumpannija kienet fetħet il-bokkaporti tal-istess vetturi, il-UĦM qalet illi dan ftit li xejn għamel effett u t-temperaturi fil-vetturi baqgħu għoljin ħafna.

Għaldaqstant, sabiex ikunu salvagwardjati x-xufiera u anke l-passiġġieri, il-UĦM Voice of the Workers idderiġiet lix-xufiera membri tagħha sabiex, jekk ittemperatura fil-vettura teċċedi it-30C, dawn jistgħu jirrifjutaw li jużaw dik ilvettura.