Lokali Qtil Politiku

Talba biex il-Gvern Amerikan jerġa’ jaħsibha – Repubblika

Minkejja li kien instab ħati ta’ ħamsa minn sitt kapi ta’ akkuża, id-deċiżjoni tal-Prosekuzzjoni li ma tkomplix tipprocedi fil-konfront ta’ Ali Sadr Hasheminejad kienet ta’ diżappunt kbir.

Sostniet dan, l-għaqda tas-soċjeta’ ċivili Repubblika hekk kif l-eks Chairman tal-Bank Pilatus f’Malta, kien qed jiffaċċja akkużi fl-Istati Uniti li kiser sanzjonijiet internazzjonali u li fost oħrajn, kien waqqaf il-bank Pilatus minn flus iġġenerati minn attivita’ kriminali. Il-każ fil-konfront tiegħu fl-Istati Uniti issa waqa’.

F’ittra lix-Charge’ d’Affaires fl-Ambaxxata tal-Istati Uniti f’Malta, Repubblika esprimiet id-diżappunt għad-deċiżjoni tal-Prosekuzzjoni li ma tkomplix tipproċedi kontra Ali Sadr bit-tama li din id-deċiżjoni għad tista’ titreġġa’ lura u jekk le, tingħata raġuni għaliex ittieħdet din id-deċiżjoni.

Repubblika fakkret li dan il-każ kien ta’ interess hawn Malta għaliex Sadr kien is-sid tal-Bank Pilatus li kien qed iservi biex jaħsel flejjes li ġew minn attivita kriminali u frodi minn persuni fil-poter, fosthom fl-Ażerbajġan u Malta.

L-istess Ali Sadr kien intimida lill-istampa Maltija b’theddid ta’ kawżi multi-miljunarji fil-Qrati Amerikani, fosthom kontra Daphne Caruana Galizia li kienet fil-mira ta’ kawża għad-danni f’Arizona għal $40 miljun. Hu kien waqqa’ l-kawża ftit wara li Daphne Caruana Galizia kienet inqatlet fis-16 ta’ Ottubru, 2017.

L-ittra ta’ Repubblika kienet ikkuppjata wkoll lill-Uffiċċju tal-Prosekutur u lis-sigrieta tal-Imħallef li ppresediet il-każ fid-Distrett ta’ New York.