Lokali Qorti Qtil Politiku

IL-QATTIELA TA’ CARUANA GALIZIA: “Protetti” b’rebħa Laburista

"Rebħa tal-Partit Laburista kienet tfisser li aħna se nibqgħu protetti" - Melvin Theuma

Yorgen Fenech kien qal lil Melvin Theuma, “jien qed niġi nfurmat dwar il-każ minn “sieħbi”. Mistoqsi mill-Maġistrat Rachel Montebello min ‘sieħbi’ kien, Theuma jgħid li kien Keith Schembri, l-ex-Chief of Staff tal-eks Prim Ministru.

Theuma qal li il-kelma “sieħbi” kienet tfisser għal Keith Schembri. Theuma kompla jgħid li Yorgen Fenech kien qallu li li l-Pulizija sabu mobiles fil-baħar li għanhom x’jaqsamu ma’ tal-aħwa Degiorgio, akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, u li wkoll għandhom x’jaqsmu rigward ‘”madwar seba’ omiċidji”.

Melvin Theuma kkonferma ukoll fl-2018 Yorgen Fenech kien bagħat messaġġ lilu fejn qallu li skont survey li kien sar il-Partit Laburista jinsab bi 80,000 vantaġġ. Fuq mistoqsija tal-Avukat Jason Azzopardi x-xhud ikkonferma li dan qalulu għax kollox kien jidher “li r-riħ fil-qala’ fil-konfront tagħhom …u ċ-ċans li jiskappawha issa huwa kbir”.

L-Ispettur Arnaud staqsa lil Theuma dak li kien jaf dwar it-telefowns ċellulari li jinsabu fil-baħar. Theuma jgħid li Yorgen Fenech qallu li u telefown ċellulari użat bejn Alfred Degiorgio u Chris Cardona.

Theuma qal li meta l-Pulizija sabu telefowns ċellulari fil-baħar ħdejn it-tinda tal-patata fil-Marsa, huwa kien beża’ li kienu sabu il-mowbajl tiegħu. Il-tinda tal-patata hija l-post li kienu jużaw l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat u fejn dawn ġew arrestati f’Diċembru 2017.

Wara li sema r-recordings, Melvin Theuma qal lill-Qorti li sema’ lil xi ħadd jgħid li sab it-telefon ċellulari ta ‘Chris Cardona, jiftakar żgur li dwar dan kien qallu Yorgen Fenech, u qallu wkoll li l-Pulizija qegħdin jaħsbu li wieħed mill-mobajls misjuba kien ta’ Chris Cardona u li hemm konnessjoni mal-Degiorgio, “Il-Fulu”.

Sadanittant mistoqsi mill-Avukat Jason Azzopardi li qed jidher għall-familja Caruana Galizia staqsa lil Theuma, x’ried ifisser biha Yorgen Fenech meta dan qallu li jekk verament instab il-mobile ta’ Chris Cardona, u li dan jista’ jwassal biex jaqa’ l-Gvern, x’ried ifisser biha, x-xhud qal li għax skont Fenech, hemm xi konverazzjonijiet bejn Cardona u “Il-Fulu”.

Fix-xhieda twila li ta Thuema huwa qal ukoll “Ġurnata qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2017, kien ċempilli Yorgen Fenech.. u qalli mur għassa wara l-bieb ta’ Keith Schembri għax dak ma jafda lil ħadd?…

“Għidtlu jien sejjer Għawdex bil-familja”. Mistoqsii finalment x’għamel imbagħad, Theuma wieġeb li mar Għawdex bil-familja. Huwa qal ukoll li ma jafx b’każ fejn is-sieħba tiegħu mill-email tiegħu bagħtet email lill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Joseph Muscat dwar xi xogħol fil-komun ta’ blokka ta’ appartamenti fiż-Żurrieq, bil-Prim Ministru jweġibha wara siegħa u jgħidilha li kienu se jkellmuha.

Theuma qal ukoll li dwar messaġġ li kien kiteb dwar KK kif kien magħruf Keith Schembri fejn qal “…jien kontra l-KK m’għandix, allavolja prova jeħles minni”. Jgħid li kien iffissa u jħoss li Yorgen u Keith Scehmbri kienu qed jippruvaw jeħilsu minnu, bil-Koħħu jgħinhom.

Theuma żvela wkoll li darba qabel ma ġie arrestat Johann Cremona kien qallu li kien se jagħtih il-mistoqsijiet li kienu se jistaqsuh il-Pulizija u l-postijiet li kienu se jispezzjonaw. Qal li qatt ma rċieva din l-informazzjoni u spjega wkoll li kellu argument ma’ Yorgen Fenech lejlet l-arrest tiegħu.

L-Avukat ta’ Yorgen Fenech, Gianluca Caruana Curran ilmenta li l-Qorti kienet ilha tisma’ x-xhieda ta’ Theuma għal seba’ xhur, u xtaq li tibda tinstema’ x-xhieda ta’ persuni oħrajn malajr. Il-Qorti qalet lill-Prosekuzzjoni tixtieq li x-xhieda ta’ Theuma dwar it-traskrizzjonijiet tkun konkluża sabiex jiġi kjarifikat kollox, u minn hemm nimxu.

Theuma qal li kien qed jinkwieta ħafna u ma kienx jaf se jaqbad jagħmel u spiċċa jaħseb li aħjar ikun mejjet milli ħaj b’dak li kien qed jiġri. Dejjem jitkellem fuq il-każ u ħassu li kien se jiġġennen, u sħabu kienu jgħidulu biex ma jagħmilx hekk għax Yorgen għandu l-ħbieb, li jista’ jirranġa u fost dawn il-ħbieb kellu lil Keith Schembri.

Dan ħareġ meta kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Yorgen Fenech, l-allegat kompliċi fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Ir-recordings li qed jinstemgħu llum huma dawk li nstemgħu fis-seduta ta’ ġimgħa ilu u li iżda nstab li kien hemm minnhom li t-traskrizzjoni li saret tagħhom kienet ineżatta.  

Melvin Theuma l-middleman f’dan l-omiċidju kien ingħata l-maħfra Presidenzjali biex jikxef dak kollu li jaf dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia  fis-16 ta’ Ottubru tal-2017 kompliet għaddejja llum fil-Qorti

Il-kumpilazzjoni  qed issir fil-konfront ta’ Yorgen Fenech, li huwa sid il-kumpanija f’Dubai 17 Black kien għamel ukoll tliet talbiet għal maħfra Presidenzjali, li kienu kollha miċħuda.

Fenech qed iwieġeb mhux ħati li kien kompliċi fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u li ppomova jew iffinanzja attività jew organiżazzjoni kriminali biex iwettaq reat. Jekk jinstab ħati wara li jgħaddi ġuri, huwa jista’ jiġi kkundannat għal għomor il-ħabs.

Caruana Galizia kienet inqatlet permezz ta’ karozza bomba  viċin id-dar tagħha fil-Bidnija. Vince Muscat, magħruf bħala il-Koħħu, George Degiorgio, magħruf bħala iċ-Ċiniz u ħuh Alfred Degiorgio, magħruf bħala il-Fulu, huma akkużati li poġġew il-bomba taħt is-seat, in-naħa ta’ fejn hija ssuq.

Thuema fix-xhieda tiegħu qal ukoll li anke Johann Cremona kien ikun jaf b’ħafna affarijiet, kif ikun jaf Yorgen Fenech u mhux l-ewwel darba li żvela xi moves li kienu se jsiru. Qal li huwa kien viċin ħafna ta’ Johann u meta kien għaddej minn perjodu ikraħ fejn kellu depression, ġiel mar ikellmu u lfaqa’ jibki.

Għall-mistoqsijiet ta’ Keith Arnaud biex jgħid li r-recordings li qed jinstemgħu fl-alwa, tenna li issa saru wara l-qtil u saru jew Ħaż-Żebbuġ jew Level 21.

Qal li Yorgen kien jaf bid-dipressjoni li huwa kellu u darba ta żewġ fliexken whisky lil Fenech bħala ringrazzjament imma ma kienx ċert għalxiex, iżda jista’ jkun li dan għamlu għax tah €5,000 għall-holiday”.

“Jien minn meta qaluli li Vince il-Koħħu jrid jikxef m’emmintix. Ridt niltaqa’ ma’ Matthew Caruana Galizia. Ridt niltaqa’ mal-kbir tal-Knisja. Jien kont iffissat. Malli kont nisma’ xi ħaġa … smajt li riedu jkellmu wkoll lil MEP Anna Gomez.

“Smajt li hemm imdaħħal negozjant kbir u bniedem ieħor. Għalina kienu qed jgħidu. L-MEP David Casa wkoll kien jitkellem ħafna, kont nisma’ l-aħbarijiet u meta kont nistaqsi, Edwin Brincat u Johann kienu jaqtgħuli fil-qasir, kont iġġennint, sa anke mal-Arċisqof ridt nitkellem biex infittex l-għajnuna. Kont ukoll nitkellem mal-ħabib tiegħi Edwin Brincat. ”

Theuma qal ukoll li dakinhar li ġie arrestat ried jitkellem mal-Ispettur Arnaud. Tenna li ma kienx jaf x’inhi maħfra presidenzjali peress li kull ma xtaq jagħmel huwa li jgħid il-verità dwar min ordna l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Ix-xhud qal ukoll li fl-istess sena li kien ġie arrestat, l-kont bankarju tal-HSBC ingħalaqlu u ġiet irtirata sanction letter mill-BOV għal appartament li ried jixtri u li Johann Cremona qallu li kien f’ħafna inkwiet b’rabta mal-ħasil tal-flus.

Qal li kien qed jaħseb li dan kollu kien qed jiġri lilu minħabba l-qtil ta’ Daphne. Theuma kompla jgħid li Yorgen Fenech qallu li kien se jagħtih il-flus biex ma jitlifx l-appartament li xtaq jixtri f’San Ġwann.

Theuma qal ukoll li huwa kien talab lil Yorgen Fenech biex jagħmel xi ħaġa peress li s-sieħba tiegħu u t-tfal ma kinux involuti f’dan it-taħwid. Fenech qallu li kien se jagħmel dak kollu possibbli imma li ma setax ibiddel id-data tal-arrest tiegħu – li kienet is-16 ta’ Novembru 2019.

Huwa qal ukoll li lil Keith Schembri ma jistax isemmih fuq il-qtil. Jgħid li fir-recordings bejnu u bejn Yorgen Fenech jissemma’ Keith Schembri. Qal li Keith Schembri la qatt għaddielu flus u lanqas qatt ċempillu.

Li jista’ ngħid darba Yorgen Fenech kellu l-mobile mitfi meta kien imsiefer u daħallu ħsieb li dawn bilfors kellhom xi linja bejniehtom. Pereress li ma setax jaqbad lil Fenech mar ħdejn Kastilja u qgħad jistenna lil Keith Schembri.

Ix-xhud qal ukoll li moħħu kien qallu dak iż-żmien li Keith Schembri kien involut fil-qtil peress li kien ġie rrappurtat li kien qed jirċievi l-flus mingħand Yorgen Fenech permezz tal-proġett tal-power station, imma jemmen jemmen li ma kienx korrett.

Qal li qatt ma ddiskuta l-qtil ta’ Caruana Galizia ma’ Keith Schembri u li Yorgen Fenech kien qallu li Vince Muscat “Il-Koħħu” kiem se jikxef kollox biex jieħu l-maħfra Presidenzjali. Hawn issa aktar ħassu li kien se jiġġenen.

Theuma qal li tant xtaq jitkellem ma’ xi ħadd u li ġieli saq lejn id-Depot u lura. Qal li kieku tkellem mill-ewwel seta jinsiha l-proklama. Tenna wkoll li l-flus li l-aħwa Degiorgio kienu qed jitolbu lil Fenech kienu piż kbir għalih u ddeċieda li jlaqqa’ lil Mario Degiorgio ma’ Yorgen Fenech biex jirranġaw bejniethom u hu joħroġ minnha.

Theuma qal li minn meta “qatluha ħajti spiċċat u dħalt f’oġġett li ma kontx niflaħ għalih”. Qal ukoll li Yorgen Fenech kien qallu li meta kien se jiġi arrestat (Melvin( kien se jmur barra l-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija u jieħu te u l-pastizzi, “imma minflok waqt li jien kont ġejt arrestat Yorgen Fenech mar dawra bil-boat,” qal ix-xhud.

L-avukat Jason Azzopardi staqsa lil Theuma dwar messaġġi li ntbgħatu fit-12 ta’ Novembru u l-konverżazzjoni tiegħu ma’ Yorgen Fenech. U Dr. Azzopardi jistaqsi lil Theuma x’ried jgħid Fenech bil-messaġġ – “Ara ma taħsibx li mhux nagħti każ ta’ u serraħ rasek li naslu.” Theuma jgħid li kien dwar l-arrest u dwar il-post fejn se jsir.

L-Avukat Azzopardi staqsa wkoll dwar żewġ messaġġi oħra. Theuma wieġeb li kien qed jitekllem dwar il-fatt li s-Sibt kien se jsir l-arrest. Jgħid li ħadd ma qallu fejn se jsir l-arrest u dwar fhiex kienu jidħlu l-mara u t-tifla fil-każ.

Dwar aktar messaġġi mingħand Yorgen Fenech. Theuma jispjega li Fenech kien qed itih indikazzjoni li “se naslu”. “Ħadd ma jurini lili”… Theuma jgħid li kiteb dan il-messaġġ għax ħadd ma qallu fejn se jsir l-arrest.

Dr. Azzopardi staqsa lil Melvin Theuma dwar messaġġ ieħor fejn jgħid lil Yorgen Fenech li jeħel 18-il sena ħabs fuq moneylaundering. Mistoqsi kif kien jaf kemm se jeħel. Theuma jwieġeb li kien iċċekkja.

Melvin Theuma spjega li l-ftehim ma’ Yorgen Fenech kien li meta jarrestawh jistaqsuh erba’ domandi “u barra bid-daqq” F’messaġġ ieħor Theuma jikteb “ma nafx kemm se nwassal”. Tenna li hu kien spiċċa l-kalmanti li kien jagħtihomlu Yorgen.

Theuma qal ukoll li kien ċempel lil Fenech li qallu li kien qed jagħmel l-aħjar li jista’ biex jeħlishom mis-sitwazzjoni. Theuma jgħid li kien jemmen li Keith Schembri kien qed jgħin lil Fenech. Theuma saħaq li kien għejja jgħix hekk.

L-Avukat Jason Azzopardi staqsa dwar il-ġurnata tal-arrest, min kien li wassalu l-messaġġ li kien se jkun arrestat. Theuma wieġeb billi qal li Johan Cremona qallu xahar qabel li “kellu t-trouble”, imma dwar id-data eżatta, jew is-16 ta’ Novemru, 99.9% kien Yorgen Fenech li kien qalhielu.

Ix-xhud qal ukoll li Yorgen Fenech tah wkoll ġojjellerija li tiswa l-flus lil inkluż djamanti. Kien hemm ukoll ritratti ta’ żewġ artijiet biex jixtruhom flimkien. Theuma saħaq li kien fl-interess ta’ Yorgen Fenech biex iżommu kuntent biex ma jagħtix pen drives tar-recordings li kellu lill-Pulizija.

Theuma kien jgħid lil Fenech li jekk jidħqu bih huwa jaf x’għandu jagħmel b’dawn il-pen drives, Qal li ried garanzija li se jibżgħu għalih, imma wara kien serraħlu moħħu.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra filwaqt li l-Avukat Jason Azzopardi qed jidher bħala parti ċivili f’isem il-familja ta’ Caruana Galizia.  

L-avukati Gianluca Caruana Curran, Marion Camilleri u Charles Mercieca, li qegħdin jidhru għal Yorgen Fenech. L-Avukati Matthew Brincat u Kathleen Grima qed ikunu wkoll preżenti biex jassistu lil Melvin Theuma. Il-kumpilazzjoni se tkompli nhar il-Ħamis li ġej f’nofs inhar fejn se jkompli jixhed Melvin Theuma.