Internazzjonali

Trump akkużat minn Powell: ‘Bl-azzjonijiet li qed tieħu qiegħed titbiegħed mill-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti’

L-eks-Segretarju tal-Istat Amerikan, Colin Powell, ikkritika bl-aħrax il-mod kif il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, ħa ħsieb il-protesti kontra r-razziżmu li bdew f’Minneapolis u, li, fl-aħħar jiem infirxu madwar il-pajjiż fost l-inċidenti ta’ vjolenza numerużi.

Powell, li għal żmien kien l-ogħla uffiċjal militari tal-Istati Uniti, sostna li Trump ‘tbiegħed mill-kriterji tal-Kostituzzjoni’ u b’hekk żied leħnu ma’ oħrajn li kundannaw l-aħħar aġir ta’ Trump u, fuq kollox, it-theddid (mill-President) biex idaħħal lill-Armata ħalli tikkontrolla hi l-inkwiet fit-toroq.

Filwaqt li Powell hu sostenitur tal-Partit Repubblikan fil-Gvern, hu qal li  se jivvota għall-kandidat Demokratiku Joe Biden, li, f’Novembru, se jisfida lil Trump fl-elezzjoni għall-White House. Intant, Trump irribatta l-kritika bis-soltu stil u fejn fisser lil Powell bħala ‘persuna li jingħata ħafna importanza żejda’.

Colin Powell hu l-uniku Amerikan ta’ nisel Afrikan li serva bħala Chairman tal-Joint Chiefs of Staff u issa qed jingħaqad ma’ eks-uffiċjali militari oħra li diġà kundannaw il-mod kif il-President Amerikan ‘tilef kontroll tas-sitwazzjoni’.

F’dawn il-jiem, l-Istati Uniti nbidlet f’ħuġġieġa ta’ dimostrazzjonijiet kontra r-razziżmu u brutalità min-naħa tal-pulizija wara l-qtil ta’ George Floyd, raġel iswed, taħt idejn il-pulizija wara li hu kien spiċċa arrestat f’Minneapolis.

Intant, il-maġġoranza tal-membri tal-Kunsill fil-belt ta’ Minneapolis impenjaw ruħhom biex ineħħu d-dipartiment tal-pulizija lokali. Dan qed jitqies bħala pass sinifikanti waqt il-kriżi, b’disa’ fost it-13-il kunsilliera jispjegaw li qegħdin jaħsbu f’‘mudell ġdid għall-ħarsien tas-sigurtà pubblika’ f’belt fejn il-qawwiet għall-infurzar tal-liġi qegħdin jiffaċċjaw akkużi dwar razziżmu.