Futbol Sport

Van der Sar jikkonferma l-interess ta’ Man United u R. Madrid f’van de Beek

(Ritratt: EPA)

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Ajax Edwin van der Sar ikkonferma li Manchester United jinsabu interessati fl-akkwist tal-midfielder Donny van de Beek. Il-plejer ta’ 23 sena kien importanti fid-doppjetta domestika li għamlu Ajax fl-istaġun 2018/19 fosthom il-vjaġġ sas-semifinali tal-UEFA Champions League.

“Hu ċar li klabbs bħal Real Madrid u Manchester United qed juru interess f’Donny van de Beek,” qal van der Sar. Rapporti fil-media internazzjonali qed jgħidu li Real Madrid qed jikkunsidraw offerta ta’ ftit aktar minn €50 miljun għall-Olandiż, għalkemm mhux magħruf jekk il-pandemija tal-coronavirus hux se tħalli effett fuq is-suq tat-trasferimenti.

Fl-aħħar xhur, diversi plejers ta’ Ajax kienu fil-mira tal-aqwa klabbs Ewropej. Fis-sajf tas-sena l-oħra, Frenkie de Jong ingħaqad ma’ Barcelona u Matthijs de Ligt ġie ttrasferit ma’ Juventus. Chelsea ħabbru diġà li f’dan is-sajf se jakkwistaw lil Hakim Ziyech.