Lokali

Żewġ protesti biswit il-Parlament

Żewġ protesti fl-istess ħin fil-Belt Valletta tema unika, l-immigranti.. iżda messaġġi differenti.

Persuni li jappoġjaw il-moviment Black Lives Matter.. għamlu sit-in quddiem il-Paralment bħala parti mill-protesti li qed isiru f’bosta pajjiżi wara l-qtil ta’ George Floyd fl-Istati Uniti. L-għajta taghhom kienet wahda għal ġustizzja anke fl-isfond tal-qtil f’pajjiżna ta’ Lassane Cisse f’April tal-2019.

Dawk li protestaw qalu li jittamaw li din l-azzjoni tissarraf f’aktar għarfien ghall-valur tal-ħajjiet ta’ persuni suwed.

Intant, protesta oħra fil-kapitali fl-istess ħin kienet qed issejjaħ għal sforzi akbar mill-Gvern kontra d-dħul tal-immigranti jumejn biss wara li Robert Abela daħħal 425 immigrant li kienu jinsabu abbord il-vapuri tal-Captain Morgan.

F’xi ħinijiet kellhom jintervjenu anke l-pulizija tal-RIU hekk kif iż-żewġ gruppi ġew wiċċimbċiċċ u bdiet tisħon il-qiegħa bl-uffiċjali tal-Korp jiffurmaw barriera umana bejn id-dimostranti taż-żewġ naħat fost skambju ta’ insulti bejn dawk li kienu qed jipprotestaw kontra l-immigranti u dawk favur.

Fl-aħħar jiem il-media soċjali serviet ta’ pjattaforma għal numru ta’ argumenti marbuta mal-immigrazzjoni b’ħafna jesprimu rabja għall-mod kif Robert Abela għamel dak li qal li ma kienx lest jagħmel jiġifieri li jdaħħal lil dawn l-immigranti f’pajjiżna, minghajr ebda pjan ghar-rilokazzjoni.

Fuq gewwa tal-Parlament, kienu qed isiru domandi inkluz mill-Kap tal-PN dwar dak li seħħ is-Sibt li għadda. Il-Gvern iżda ma weġibx għal dawn il-mistoqsijiet tal-Kap tal-PN Adrian Delia…inkluz dwar is-suppost ftehim li sar mal-Libja.