Lokali Qorti

18-il xahar ħabs fuq attentat ta’ serq u li sar reċediv

Raġel ta’ 45 sena mill-Belt, Valletta ġie kkundannat 18-il xahar ħabs mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras wara li ammetta li kien involut f’attentat ta’ serqa minn dar privata u li sar reċediv.

Huwa kien arrestat fuq il-post fejn fuqu nstabet ukoll xi għodda li tintuża’ għal sgass taż bibien. Ivan Galea kien arrestat il-Ħadd li għadda stess filgħaxija wara li l-Pulizija aġixxew mill-ewwel fuq rapport li kien hemm persuna li qiegħda tipprova twettaq serqa minn residenza privata fil-Belt Valletta.

Kienu għall-ħabta tas-7.15pm, x’ħin il-Pulizija tal-għassa tal-Belt Valletta ġew infurmati li hemm raġel qiegħed jipprova jisgassa bieb ta’ residenza fi Triq Sant’Anna, il-Belt Valletta.

Il-Pulizija tad-Distrett marru immedjatament fuq il-post u r-raġel x’ħin innota lill-Pulizija, ħarab jiġri. Minnufih bdiet tfittxija għalih u ftit wara huwa nqabad fl-inħawi, fejn jinstab u ġie arrestat fi Triq Żekka.

Saret ukoll tfittxija fil-post fejn il-Pulizija rat lir-raġel fi Triq Sant’Anna fejn hemmhekk instabu għodda li allegatament intużat biex ġie sgassat il-bieb ta’ barra tar-residenza. Ir-raġel ittieħed fil-lock-up tal-Pulizija l-Floriana għall-aktar investigazzjonijiet.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija qed tmexxew mill-Ispettur Jeffrey Scicluna mill-Pulizija tad-Distrett tal-Belt filwaqt li l-Avukat Charmaine Cherrett deheret għal Galea.