Lokali

Botta u risposta fuq l-eks sit tal-ITS

Fi tmiem laqgħa tal-Kunsill Lokali ta’ Pembroke ntqal li l-Kunsill iħoss li mid-diversi laqgħat li kellu mal-iżviluppaturi tal-Grupp DB rigward il-proġett tas-City Centre matul l-aħħar xhur u snin, il-proġett ġie varjat sostanzjalment kull fejn kien possibbli sabiex illum, dak li qiegħed jiġi propost, huwa indubjament ta’ piż anqas fuq il-lokalità u l-komunità ta’ Pembroke minn dak oriġinarjament maħsub.

Madanakollu jibqa’ l-fatt li dan il-proġett huwa enormi, b’tali mod li huwa sproporzjonat meta mqabbel mal-madwar u l-kumplament tal-lokalità.

Minkejja t-tibdil li sar, jidher ċar aktar minn qatt qabel li l-iżviluppatur għad għandu f’moħħu jibni ‘a land mark building’ u li b’din huwa qiegħed jifhem li għandu jibni l-akbar u l-aktar struttura prominenti fil-pajjiż.

Mhux hekk biss imma minbarra l-kostruzzjoni marbuta mal-bini tal-istess proġett sabiex ikun jista’ jiffunzjona huwa u oħrajn bħalu, neħtieġu l-kostruzzjoni ta’ kilometri ta’ mini minn taħt il-lokalità, prattikament kollha kemm hi, inkluż diversi metri ta’ taħt xagħri protett.

Is-snin ta’ piż li ġġib magħha l-kostruzzjoni u l-ammont ta’ distruzzjoni meħtieġa, ifissru li l-pożizzjoni tal-Kunsill, ġaladarba l-istess Kunsill jirrappreżenta s-sentiment ġenerali tal-lokalità u r-residenti tagħha, ma tistax tkun favur dan il-proġett u dak kollu li se jġib miegħu – kemm waqt it-tqattiegħ u l-bini, però anke wara t-tlestija tiegħu u l-operat tiegħu.

B’referenza għal dak li ntqal mill-Kunsill Lokali ta’ Pembroke, il-grupp DB fi stqarrija għamilha ċara li matul il-fażi tal-bini, il-komunità ta’ Pembroke se tkun protetta permezz ta’ numru ta’ miżuri favur l-ambjent.

Dan filwaqt li mhux se jkun hemm għeluq tat-toroq madwar is-sit tal-kostruzzjoni. Saħqu wkoll li l-vetturi tqal mhux se jitħallew jgħaddu minn żoni residenzjali u l-makkinarju tal-iskavar se jkun tat-tip li jiġġenera l-inqas ammont ta’ storbju u trab. Barra minn hekk, se jkun hemm barriera perimetrika adegwata tas-sit biex jitnaqqasu l-ħsejjes u ż-żmien ta’ skavar u kostruzzjoni mistenni jkun qasir sabiex kemmm jista’ jkun jitnaqqas it-tfixkil.