Internazzjonali Lokali Unjoni Ewropea

Dubji serji fuq il-Gvern Malti mill-Unjoni Ewropea

Hemm ċans li l-Kummissjoni Ewropea tbaxxi l-istandards ta’ reklutaġġ għall-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku l-ġdid tal-Unjoni Ewropea għax il-Gvern Malti ma jistax isib biżżejjed kandidati xierqa.

F’kummenti li għadda lis-sit EuObserver, il-Kummissarju Ewropew għall-ġustizzja Didier Reynders iddeskriva din s-sitwazzjoni bħala waħda “straordinarja”.

Meta kellem lill-ġurnalisti fi Brussell, Reynders saħaq li l-Gvern Malti ma jistax isib biżżejjed kandidati biex jissodisfa r-rekwiżiti tax-xogħol. “Għad m’għandniex is-27 prosekutur Ewropew minħabba diffikultajiet biex tiġi ffinalizzata l-lista tal-kandidati Maltin,” qal.

Dan wassal biex tiġi kkunsidrata emenda għar-regoli operattivi għall-bord tal-għażla biex tnaqqas numru ta’ rekwiżit. Reynders innota l-inkapaċità tal-Gvern Malti biex issib persuni li jissodisfaw il-kundizzjonijiet minimi.

Magħrufa bħala l-Uffiċċju tal-Prosekuturi Pubbliċi Ewropej (EPPO), l-istituzzjoni bbażata fil-Lussemburgu twettaq investigazzjonijiet kriminali dwar korruzzjoni, frodi tal-VAT u serq mill-baġit tal-UE.

Dan l-uffiċċju se jkun qed jaħdem id f’id ma’ prosekutur Ewropew minn kull wieħed mit-22 stat membru.

Taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat, Malta kienet irrifjutat li tissieħeb fl-EPPO u l-istati membri kienu mitluba jinnominaw tal-anqas tliet kandidati għall-kariga ta’ prosekutur Ewropew biex jikkoordinaw mal-hub tal-Lussemburgu.

Ir-rapport f’dan is-sit jgħid li kull stat membru għamel dan apparti Malta, li l-Gvern Laburista nnomina biss żewġ persuni. Ir-rapport allega li dan ġara għax il-Gvern Malti qed jipprova jsib nies leali lejħ aktar milli nies li verament iridu li ssir ġustizzja. Dan qed jitfa’ dubji serji fuq il-Gvern Malti u qed ikompli jkisser ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Fost dawk inizjalment imressqa kien hemm Charles Mercieca, eks prosekutur tal-istat. Missier Mercieca huwa wkoll eks segretarju parlamentari Laburista u viċin Joseph Muscat.

EuObserver fakkar kif l-eks Prim Ministru Malti ingħata t-titlu tal-Persuna tas-Sena għall-Kriminalità Organizzata u l-Korozzjoni, titlu li għalih għeleb lil Donald Trump u Vladimir Putin. L-Unjoni Ewropea filfatt irrifjutat in-nomina ta’ Mercieca.

Il-kandidata l-oħra nnominata hija Yvonne Farrugia, li skont is-sit EuObserver qed tqajjem mistoqsijiet ġodda fi Brussel. Farrugia hija spettur tal-pulizija fit-taqsima tar-reati ekonomiċi.