Lokali

ESKLUSSIVA: Konrad Mizzi jasal lura Malta

Konrad Mizzi jgħid li se jibqa' sejjer kwarantina

Kien għall-ħabta tal-5:30 ta’ waranofsinhar li d-deputat u eks Ministru Laburista deher ħiereġ mill-ajruport Internazzjonali ta’ Malta hekk kif kien għadu kif wasal fuq titjira tal-Air Malta minn Londra.

Skont sorsi, Konrad Mizzi kien ilu barra minn xtutna mit-13 ta’ Marzu.

Hu kien għadu qed jitħallas mill-Parlament minkejja li kien ilu assenti sa minn Marzu. Għalkemm l-ispeaker baqa’ jinsisti li preżenta ċertifikati tal-mard.

Kemm ilu barra minn pajjizna ġraw bosta affarijiet f’Malta li direttament jew indirettament jinvolvu lil Mizzi. U għal dan kollu ma kienx preżenti fil-Parlament biex iwieġeb.

Fost l-oħrajn, wieħed ifakkar fil-vot Parlamentari dwar il-futur ta’ Vitals u Steward li għalih il-Gvern Laburista ivvota kontra l-Maltin u l-Ghawdxin u favur il-barranin li ħadu l-isptarjiiet tagħna grazzi għal Konrad Mizzi.

Kien filfatt Konrad Mizzi li ffirma għal Steward Healthcare, garanzija ta’ 100 miljun jekk il-kuntratt tagħhom jitħassar, tkun xi tkun ir-raġuni.

Mizzi rritorna Malta ftit tas-sigħat biss wara li Robert Abela u l-Kabinett ħabbru l-għażla tagħhom għall-Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija.

Id-deputat Laburista kien rriżenja minn Ministru tat-Turiżmu fis-26 ta’ Novembru f’nofs il-kriżi politka li kien hawn fil-pajjiż u fl-eqqel ta’ allegazzjonijiet serji fil-konfront tiegħu.

Madanakollu ġimghatejn wara, hu kien ingħata kuntratt ta’ konsulenza mal-Awtorita’ tat-Turizmu b’paga ta’ 24,000 ewro aktar minn kemm kien idahhal bħala Ministru. Dan il-kuntratt kien inżamm sigriet mill-Gvern u malli inkixef mill-media, il-kuntratt twaqqaf.

Ftit wara li kien irriżenja, hu kien ingħata l-kariga ta’ Kap ta’ delegazzjoni fl-OSCE kariga li tah Robert Abela ftit wara li laħaq Prim Ministru. Din l-aħbar xejn ma kienet niżlet tajjeb mal-Maltin u l-Għawdxin, u waslet biex Abela rtira l-kariga ta’ Mizzi.

Waqt dawn il-ġimgħat kollha tiegħu msiefer is-sit The Shift News kien żvela li Mizzi kien daħħal jaħdem miegħu bħala Person of Trust fl-Awtorità tat-Turiżmu lil Lionel Gerada – persuna li kien instab ħati ta’ numru ta’ reati fil-qorti.

Apparti dan kollu, Mizzi kien fiċ-ċentru ta’ numru ta’ allegazzjonijiet u kontroversji marbuta mal-Panama Papers. Hu kien ukoll ikkuntratta x-xiri tal-enerġija mingħand l-Electrogas, konsorzju mmexxi minn Yorgen Fenech li hu l-allegat komplici fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.