Futbol Sport

Flavio Cheveresan jingħaqad maċ-champions Floriana

(Ritratt; FFC Media)

Iċ-champions Floriana ħabbru l-akkwist tal-attakkant Flavio Cheveresan. Dan hu l-ewwel akkwist tal-Furjaniżi minn kemm ilhom li ġew iddikjarati champions madwar ġimagħtejn ilu mill-Kunsill tal-MFA.

Għal Cheveresan li għandu 31 sena, din mhux se tkun l-ewwel esperjenza f’pajjiżna wara li l-istaġun li għadda lagħab ma’ Sirens. Hu kien plejer regolari fit-tim ta’ Steve D’Amato li spiċċa fir-raba’ post fil-kampjonat u kkwalifika għall-ewwel darba biex jilgħab fil-UEFA Europa League.

Fl-ewwel staġun tiegħu ma’ Sirens, Cheveresan skorja ħames gowls fil-kampjonat. Il-Brażiljan hu plejer li kapaċi jirbaħ ballun fl-arja u jżomm il-ballun fl-attakk, karatteristiċi li se jagħtu aktar għażliet lill-kowċ Vincenzo Potenza. Floriana se jkunu fl-azzjoni fil-UEFA Champions League, kompetizzjoni li għalissa għadu mhux magħruf meta se tibda.

Qabel kompla l-karriera f’pajjiżna, Cheveresan lagħab ma’ diversi klabbs f’pajjiżu fosthom Velo Clube-SP, EC Agua Santa, Taubate-SP, America-RN, Cuiaba-MT, Nova Iguacu, AA Anapolina and Campinense-PB.