Futbol Sport

Ħa nagħmel dak kollu possibbli biex il-klabb jibqa’ ma’ ta’ fuq – Jurgen Degabriele, attakkant ta’ Hibernians

(Ritratt: Catriel Farrugia)

L-attakkant Jurgen Degabriele temm spekulazzjoni li seta’ jħalli lil Hibernians wara li laħaq ftehim fuq kuntratt ta’ tliet snin mat-tim minn Raħal Ġdid. Din l-aħbar hi konferma li Degabriele għadu parti integrali mit-tim ta’ Hibernians u żgur li din l-aħbar intlaqgħet tajjeb mill-kowċ Stefano Sanderra.

“Kuntent li ffirmajt ma’ Hibernians għal tliet snin oħra. Ninsab ħerqan għall-istaġuni li ġejjin u ħa nagħmel dak kollu possibbli mat-tim kollu biex il-klabb jibqa’ dejjem ma’ ta’ fuq,” qal Degabriele f’kuntatt li sar minn netnews.com.mt.

Minkejja li għad għandu 23 sena, Degabriele ilu jilgħab fil-Kampjonat Premier għal seba’ staġuni u sar għażla awtomatika fit-tim Pawlist. Hu għamel id-debutt fl-istaġun 2013/14 u minn dakinhar skorja 47 gowl fil-Kampjonat Premier, bl-aħjar staġun ikun l-2016/17 meta skorja 16-il gowl u spiċċa fit-tieni post fil-klassifika tal-aqwa skorers.

Degabriele ġej minn xhur diffiċli għalih wara li fi Frar tas-sena l-oħra kien weġġa’ kontra St. Andrews u kellhom jgħaddu madwar tmien xhur biex reġa’ kien mat-18-il plejer waqt logħba tal-kampjonat. Wara li ftit ftit reġa’ beda jidħol fit-tim, Degabriele weġġa’ fit-2 ta’ Frar li għadda fit-telfa kontra Sirens u issa li qed ikompli jirkupra, jittama li l-istaġun il-ġdid ikun ir-rinaxximent tiegħu.