Internazzjonali

Iċ-Ċina: Sinjali li l-Covid-19 seta laqat l-inħawi ta’ Wuhan minn Awwissu

Analiżi speċifika li mexxew riċerkaturi mal-Università ta’ Harvard (fl-Istati Uniti) qed tikkonċentra fuq indikazzjonijiet ‘sinifikanti’ li l-coronavirus ġdid tal-Covid-19 seta’ laqat il-belt Ċiniża ta’Wuhan aktar kmieni milli ħasbu.

Dan wara li d-data mis-satelliti qed juru ‘żieda sostanzjali fit-traffiku’ barra ħames sptarijiet ta’ Wuhan, bil-movimenti mhux tas-soltu jibqgħu konsistenti bejn l-aħħar ta’ Awwissu sa Diċembru li għadda. Fl-istess perjodu, spikkat l-attività fuq il-mezzi online, fejn l-abbonaturi fittxew tagħrif dwar sintomi bħal ‘deni’, ‘sogħla’ u ‘uġigħ fl-għadam’.

Ir-reazzjonijiet taċ-Ċina dwar ir-riċerka urew elementi ta’ għadab, bil-kelliema jfissru l-istudju bħala ‘wieħed redikolu li jibbaża fuq tagħrif superfiċjali’.

Sallum, l-aktar teorija aċċettata b’konnessjoni mal-Covid-19 hi li l-virus feġġ għall-ewwel darba fiċ-Ċina f’Novembru. L-awtoritajiet lokali kienu rappurtaw ‘cluster’ ta’ każi tal-pneumonia, li l-kawża tagħhom ma kenitx magħrufa, lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), lejn l-aħħar ta’ Diċembru.

Madankollu, John Brownstein, li mexxa r-riċerka, qal li  skont id-data miġbura ‘jidher ċar li kien hemm livell ta’ taqlib soċjali ( fiċ-Ċina) anki fix-xhur ta’ qabel iż-żmien identifikat bħala l-bidu tal-pandemija ġdida’.

Id-data mis-satellita kienet anki paragunata mal-‘movimenti’ barra l-ħames sptarijiet ta’ Wuhan matul is-sajf u l-ħarifa tal-2018. Dan waqt li t-tfittxija għal kliem assoċjati mas-sintomi ta’ coronavirus ( matul l-aħħar tas-sajf u l-ħarifa li għaddew) u li saret permezz tas-search engine ‘Baidu’ taċ-Ċina, qabdet spinta sew fl-istess żmien tal-attività kbira fiz-zoni tal-isptarijiet.

Xorta waħda, iżda, jinħtieġu aktar studji biex ikunu magħrufin l-iżviluppi ‘eżatti’ tal-Covid-19 u biex in-nies jitgħallmu tassew kif  jistgħu jfeġġu dawn it-tipi ta’ mard ġodda qalb il-popolazzjonijiet.

Il-belt ta’ Wuhan u bliet oħrajn fiċ-Ċina kienu daħlu fi stat ta’ lockdown fit-23 ta’ Jannar tal-2020. Dan waqt li l-WHO iddikjarat il-Covid-19 bħala Emerġenza tas-Saħħa Globali fl-aħħar ta’ dak ix-xahar u wara l-konferma ta’ 82 każ ta’ infezzjoni mill-coronavirus barra ċ-Ċina.

Fi żviluppi oħra dwar il-Covid-19….

Ir-Russja għadha għaddejja bil-ġlieda qalila biex tikkontrolla l-firxa tal-Covid-19, iżda fl-aħħar sigħat, in-nies fil-kapitali Moska ngħataw permess biex ‘jivvjaġġaw madwar il-belt kulmeta jridu’. Sadanittant, hemm tħassib dwar ‘l-għaġġla żejda biex jinfetħu l-postijiet’ meta l-awtoritajiet f’Moska għadhom qed jirreġistraw medja ta’ 2,000 infezzjoni kuljum bil-coronavirus.

Fil-Brażil, l-ammont tal-infezzjonijiet bil-Covid-19 qabżu s-700,000, waqt li qed tikber kontroversja dwar id-data relatata għall-coronavirus f’dan l-Istat Latin Amerikan.

Studju mill-Imperial College ta’ Londra qal li l-impożizzjoni tal-lockdowns salvat il-ħajja ta’ aktar minn tliet miljun persuna fl-Ewropa waqt  il-kriżi tal-Covid-19. Ingħad li l-impatt, f’termini ta’ ħajja mitlufa, kien ikun ‘enormi’ mingħajr ir-restrizzjonijiet, iżda l-istudju jwissi li proprozjon żgħir biss ta’ nies spiċċaw infettati bil-Covid-19 u li ‘il-pandemija għadha fil-bidu.’

Iċ-Ċina wissiet lill-istudenti biex ‘jeżerċitaw kawtela’ qabel jiddeċiedu li jmorru jistudjaw fl-Awstralja ‘fejn kapaċi jisfaw mira ta’ attakki razzisti’. Il-Ministeru għall-Edukazzjoni f’Beijing irrefera għal ‘inċidenti ta’ diskriminazzjoni (fl-Awstralja) kontra persuni Asjatiċi waqt il-kriżi tal-Covid-19’.

Il-kelliema Ċiniżi qalu wkoll li l-firxa tal-infezzjonijiet għadha mhix ikkontrollata bil-mezzi effettivi u li jeżisti element ta’sogru għal min jivvjaġġa u jiffrekwenta l-campuses miftuħin tal-universitajiet. L-Awstralja kienet fost l-ewwel Stati li sejħu għal investigazzjoni indipendenti dwar l-oriġini tal-Covid-19 li feġġ fiċ-Ċina għall-ewwel darba qabel infirex lejn pajjiżi oħra.