Lokali Unjoni Ewropea

Il-Gvern Laburista jkompli jħammar wiċċ Malta fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni anke fl-Ewropa

L-aħbar, li m’għandha ebda preċedent fl-Unjoni Ewropea, li l-Kummissjoni Ewropea se jkollha tbaxxi r-riga u l-istandards għal dawk li japplikaw minn Malta għal kariga ta’ European Public Prosecutor, hija tal-misthija u turi kemm il-Gvern Laburista huwa l-ikbar għadu għar-reputazzjoni ta’ Malta.

Il-Partit Nazzjonalista permezz ta’ stqarrija ffirmata minn mid-Deputati Jason Azzopardi u Karol Aqulina tenna li juri l-għadab tiegħu għall-fatt li l-Gvern Malti waqqa’ isem Malta fl-iktar livell baxx tant li anke l-Kummissarju tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddikjara li din s-sitwazzjoni li ħoloq il-Gvern Malta hija waħda straordinarja li bħalha qatt ma ra.

Il-Gvern Laburista spiċċa għamel lil pajjiżna l-agħar fl-Ewropa. Pajjiżna spiċċa ta’ eżempju ħażin ħafna fl-Unjoni Ewropea billi qed iżomm milli jiġi konkluż il-proċess sabiex 27 Prosekutur kontra l-korruzzjoni jkunu jistgħu jibdew jaħdmu.

Il-Gvern Laburista tant baxxa l-istandards tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni f’pajjiżna li s’issa l-ebda persuna li applikat f’Malta għal din il-kariga prestiġġjuza ma kienet tilħaq il-livelli mistennija fl-Unjoni Ewropea biex tigi miġġielda l-korruzzjoni.

Kif qal xhud li ngħata l-maħfra mill-Gvern Laburista: bil-Labour fil-Gvern il-korrotti u l-kriminali moħħom mistrieħ.