Ekonomija Lokali

IL-MIŻURA TAL-KONT TAD-DAWL: 5 punti li ħadd mhu jsemmi

Mill-Arkivji

Il-Gvern ilbieraħ ħabbar sett ta’ miżuri biex kif qal il-Prim Ministru “nibdew niġru”.

Waħda mill-aktar proposti li laqtet l-għajn, kienet dik tat-tnaqqis tal-kontijiet tal-enerġija. Iżda x’inhu eżatt dak li ġie preżentat?

Hawn taħt, qed nippreżentaw ħames domandi li intom stess qed tistaqsuna:

1. In-negozji kollha se jgawdu minn dan ir-roħs?

Le. Se jgawdu biss dawk in-negozji li għalqu waqt il-Covid. L-oħrajn, mhux se jirċievu refund fuq il-kontijiet tal-elettriku.

Dan ifisser li negozji bħal ħwienet tal-merċa, spiżeriji, ħwienet tad-deterġenti u l-affarijiet tad-dar, showrooms u stabbilimenti li jbiegħu l-appliances, furnara, ġelateriji, take-aways, tal-pastizzi, supermarkets, stabbilimenti tal-għodda, kumpaniji tal-marketing, aġenziji fis-suq tal-proprjetà, uffiċini privati, u ċentri kummerċjali li jbiegħu apparat elettorniku – dawn kollha MHUX se jgawdu mir-roħs fil-kont tal-elettiriku.

2. Se nibbenifika minn roħs fil-kont tal-ilma?

Anke hawn, it-tweġiba hi, le.

Il-miżura tal-Gvern tgħid b’mod ċar li r-refund hu applikabbli fuq “il-kontijiet tal-elettriku għas-settur kummerċjali”.

3. Il-kont kollu se jorħos bin-nofs?

Apparti l-fatt li r-rata tal-konsum tal-ilma se tibqa’ l-istess, in-negozji jridu jħallsu l-kirja tal-meter tad-dawl. Dawn l-ispejjes mhux se jintmissu.

Dan ifisser li mhux il-kont kollu se jonqos bin-nofs.

4. Il-kontijiet tad-djar residenzjali se jorħsu?

Din diġa’ iċċarajniha lbieraħ. Il-kontijiet tad-dawl għal djar residenzjali mhux se jorħsu. Fi kliem sempliċi, il-familji mhu se jgawdu mill-ebda roħs fid-dawl. Dan ifisser li r-refund ta’ 50% japplika biss għal numru ta’ negozji, u mhux kollha.

Anzjani u nies vulnerabbli huma fost dawk li mhux se jibbenefikaw.

5. Kemm se tibqa’ għaddeja din il-miżura?

Din mhux miżura permanenti. Fil-fatt, jidher li n-negozji se jkunu qed jieħu refund fuq kont wieħed biss. Dak li jkopri t-tliet xhur tas-Sajf, minn Lulju sa Settembru.

KURŻITÀ: Kont taf li hemm limitu għall-għajnuna? Il-Gvern se jkun qed jagħti refund li jlaħħaq sa massimu ta’ €1,500 f’għajnuna fuq il-kont għall-perijodu tas-Sajf.