Coronavirus Lokali Saħħa

Il-mozzjoni biex il-Professur Gauci tingħata Mertu Siġġiewi tiġi approvata mill-Kunsill Lokali

Il-Professur Charmaine Gauci se tingħata l-Onorifiċenza Mertu Siġġiewi mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi. Dan wara li fil-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi kien hemm qbil unanimu għall-mozzjoni mressqa mill-Kunsilliera tal-PN.

Il-mozzjoni kienet tressqet mill-Avukat Alessia Psaila Zammit bħala minority leader fil-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi u ssekondata mill-kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista, Julian Borg u Francine Farrugia. Fil-laqgħa li saret it-Tnejn 8 ta’ Ġunju 2020, il-kunsillieri kollha qablu li l-Professur Charmaine Gauci għandha tiġi rikonoxxuta mill-Kunsill Lokali għall-ħidma tagħha bħala Superintendent tas-Saħħa Pubblika.

Il-Kunsillieri tal-PN Alessia Psaila Zammit, Julian Borg u Francine Farrugia spjegaw li fil-mozzjoni tagħhom ippreżentata fit-28 ta’ Mejju 2020 kienet tispjega li l-Professur Charmaine Gauci ilha aktar minn 24 sena tgħix is-Siġġiewi. Il-mozzjoni kienet tispjega wkoll li l-Professur Gauci għandha tinghata dan l-unur għall-mod integru u professjonali kif dejjem mexxiet bħala Superintendent tas-Saħħa Pubblika, inkluż matul l-imxija tal-Covid-19. Il-mozzjoni kienet tgħid ukoll li bil-ħidma tagħha, il-Professur Gauci qed tagħmel ġieħ mhux biss lis-Siġġiewi, iżda lill-pajjiż kollu.

Il-minority leader fil-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi, l-Avukat Alessia Psaila Zammit qalet li l-ħidma lokali li tkun ispirata minn ġenwinitá favur dak li jsaħħaħ l-komunitá għandha l-forza li ġġib l-qbil unanimu u tissupera l-politika partiġġjana. Hi qalet li l-ħidma tal-kunsillieri tal-PN li qegħdin f’minoranza, tispikka għaliex hija ħidma ġenwina u favur l-lokalitá. Alessia Psaila Zammit qalet li tinsab sodisfatta li bil-mozzjoni tal-PN ingħaqad raħal kollu favur rikonoxximent li żgur jixraq lill-Professur Charmaine Gauci.

Il-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista Alessia Psaila Zammit, Julian Borg u Francine Farrugia awguraw lill-Professur Charmaine Gauci u f’isem is-Siġġiwin irringrazzjawha tal-ħidma tagħha b’risq pajjiżna.