Lokali

Il-piloti tal-Air Malta jirritornaw l-uniformi lura lil kumpanija

69 pilota jirritornaw l-uniform lura lill-Air Malta f'Ġunju
Huma ġew obligati jagħmlu dan wara li ġew imkeċċija fl-aħħar jiem

Wara li fl-aħħar jiem, 69 pilota ġew imkeċċija mill-Air Malta, it-Tlieta huma marru fl-uffiċju tal-linja tal-ajru fi Skyparks biex jirritornaw l-uniformi u oġġetti oħra. Uħud mill-piloti kienu ilhom jaħdmu mal-istess linja tal-ajru għal żewġ deċennji.

Dan kien obbligat li jsir hekk kif kemm l-uniformi u oġġetti oħra kienu ngħataw fil-bidu tal-impjieg tagħhom.

Il-President tal-unjoni tal-piloti, Dominic Azzopardi wera d-dispjaċir tiegħu li bi skuża ta’ dan iż-żmien li pajjiżna għaddej minnu, tkeċċew għadd ta’ piloti, liema azzjoni kienet ilha li trid issir għal żmien twil.

“Kulma nixtiequ hi garanzija ta’ xogħol. M’aħnix hawn għax ksirna xi regoli jew m’għamilnix xogħlna kif għandu jsir, anzi dejjem konna leali lejn il-kumpanija u l-klijenti. M’aħnix se naċċettaw li jużaw il-pandemija ta’ COVID-19 bi skuża li jitkeċċew il-ħaddiema.”