Lokali

Il-PN mhux se jipparteċipa fis-smigħ

Il-Prim Ministru Robert Abela sal-lum ma jridx li jkun hemm kunsens u ftehim mal-Oppożizzjoni dwar il-ħatra ta’ Kummissarju tal Pulizija ġdid. U wara li għażel persuna għall-kariga, Abela jrid ukoll li l-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid jinħatar fuq probation ta’ sena.

Il-PN diga’ zvela li mhux se jkun qed jipparteċipa fis-smigħ parlamentari għall-ħatra tal- Kummissarju tal-Pulizija.

Jikkummenta s-Segretarju Generali tal-PN Francis Zammit Dimech.

F’dan il-mument tant delikat għall-pajjiż, il-Partit Nazzjonalista qed jibqa’ jinsisti li Robert Abela m’għandux jibqa’ jwebbes rasu u għandu jfittex ftehim u qbil mal-Oppożizzjoni sabiex jinħatar Kummissarju tal-Pulizija li jista’ jerġa’ jġib il-fiduċja tal-poplu fil-Korp… permezz ta’ vot taż-żewġ terzi tal-Parlament.

Fl-intervista, Francis Zammit Dimech tkellem ukoll dwar allegazzjonijiet serji li ħarġu fil-Qorti fil-konfront tad-Deputat Mexxej Laburista Chris Cardona kif ukoll l-eks Kummissarju tal-Pulizija, Lawrence Cutajar…illi ġie sospiż mill-impjieg tiegħu fil-Ministeru tal-Intern bhala konsulent.

Madanakollu, ma ttiehdux l-istess passi mill-Partit Laburista fil-konfront ta’ Cardona.

Intant, wara li Robert Abela għażel lil Angelo Gafà bħala l-persuna li jrid fil-pożizzjoni ta’ Kummissarju, l-ispettur Sandro Camilleri, li kien wieħed mill-14 li applikaw għall-kariga, stqarr li ma nbagħtet l-ebda email jew komunikazzjoni biex tgħidilhom li ma ntagħżlux mill-Kabinett.Sandro Camilleri spjega illi sar jaf bl-għażla ta’ Gafà minn fuq il-media. “Fil-fatt, għadni ċċassat sa issa għax dan diżrispett li qatt ma stennejt”, stqarr l-ispettur Camilleri.