Internazzjonali

Ir-reġim komunista fi Pyongyang jaqta’ il-komunikazzjonijiet kollha mal-Korea t’Isfel

It-tensjoni fil-peniżola Koreana mistennija tirranka fil-jiem li ġejjin wara li l-Korea ta’ Fuq komunista qalet li qed taqta’ l-linji ta’ komunikazzjoni kollha mal-Korea t’Isfel u fejn anki rreferiet għall-ġar bħala ‘għadu’.

Fl-istess ħin, ir-reġim fi Pyongyang qed jagħmilha ċara li din hi ‘biss’ l-ewwel f’sensiela ta’ azzjonijiet li beħsiebu jieħu kontra l-Korea t’Isfel.

Intant, kelliema għall-Korea t’Isfel qalu li huma pruvaw jagħmlu s-soltu kuntatti mar-rappreżentanti tal-Korea komunista u fejn ‘baqgħu bla tweġiba għall-ewwel darba wara 21 xahar’.

Forsi l-aktar ħaġa li qed tħasseb lill-osservaturi hi d-deċiżjoni tar-reġim Korean komunista biex jaqta’ l-hotline li, s’issa, serva bħala mezz ta’ komunikazzjoni ewlieni bejn il-President tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un u l-President tal-Korea t’Isfel, Moon Jae-in.

Il-Korej għadhom teknikament fi stat ta’ gwerra wara li l-konflitt armat ta’ bejniethom, li dam għaddej mill-1950 u l-1953, intemm b’armistizju minflok bi trattat għall-paċi.

Qabel l-aħħar passi minn Pyongyang, il-Korea ta’ Fuq kienet naqqset ħafna mill-kuntatti li kien qed ikollha mal-Gvern f’Seoul u wara l-falliment, xhur ilu, ta’ summit ewlieni bejn Kim Jong-un u l-President Amerikan, Donald Trump. F’dan is-summit kienu sfaxxaw it-tamiet għal ftehim konkret li kellu jara lill-Korea ta’ Fuq twarrab għall-proġetti nukleari tagħha.

Intant qed jidher, issa, li ‘miet’ kull kuntatt bejn il-Korej, wara li l-kuntatti kienu qed isiru permezz ta’ uffiċċju fil-belt ta’ Kaesong, li tinsab qrib il-fruntiera li tissepara lill-Istati rivali. L-uffiċċju kien twaqqaf fl-2018 bil-għan li tonqos mit-tensjoni bejn il-Korej u s-sorsi tal-aħbarijiet komunisti, issa, żvelaw li pajjiżhom anki żamm lura ‘il-mezzi ta’ komunikazzjoni mal-ġar minn aspett militari’.

Ftit tal-jiem ilu, Kim Yo-jong, li tiġi oħt il-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, kienet ħarġet bit-theddida li tagħlaq l-uffiċċju għall-kuntatti mal-Korea t’Isfel dment li l-awtoritajiet f’Seoul ‘kellhom ikomplu jappoġġjaw lill-gruppi ta’ persuni li ħarbu mill-Korea ta’ Fuq’.

Skont Kim Yo-jong, il-gruppi inkwistjoni qegħdin jiċċirkolaw fuljetti ta’ propaganda fl-artijiet tal-Istat komunista u d-dikjarazzjoni ta’ Pyongyang dwar it-tmiem tal-kuntatti mal-ġar qed tidher ‘speċifikament relatata’ ma’ din l-akkuża.

Kim Yo-jong sostniet li pajjiżha qed iqis il-kampanja tal-fuljetti bħala att ostili li jabbuża l-ftehim għall-paċi li kienu ntlaħqu fl-2018 waqt is-summit ta’ Panmunjom bejn Kim Jong-un u Moon Jae-in.