Lokali Parlament

Jibqa’ l-misteru dwar kif oriġina l-kuntratt ta’ €4.5 miljuni mal-Vista Jet

Ritratt: Times of Malta

Il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) għadu qed jipprova jsolvi l-misteru dwar min kien il-moħħ wara l-kuntratt li sar bejn Awtorità Maltija tat-Turiżmu u l-Vista Jet u li sewa €4.5 miljun.

Ix-xhud tal-lum quddiem dan il-kumitat kien iċ-Chairman preżenti tal-MTA Gavin Gulia, il-persuna li ffirma l-kuntratt; iżda lanqas hu ma ċċara min kien il-moħħ wara dan l-kuntratt.

Il-kumpanija Vista Jet kienet għamlet titjira minn Malta għall-Ażerbajġan propju dakinhar li ċ-Chairman tal-Pilatus Bank kien inqabad ħiereġ mill-bank f’Ta Xbiex b’bagalji bil-lejl.

Fil-PAC, il-PN kien rappreżentant mid-deputat Beppe Fenech Adami, li hu ċ-Chairman tal-Kumitat u d-deputati Chris Said u Kristy Debono.

Fil-bidu tal-laqgħa Beppe Fenech Adami qal li dokumentazzjoni li l-PAC talab mill-MTA fl-aħħar laqgħa tal-ġimgħa l-oħra intbagħtu ftit minuti qabel il-kumitat biex dawn ma setgħux ikunu eżaminati qabel il-laqgħa. Hu appella lill-MTA biex id-dokumenti tippreżenthom immedjatament meta jintalbu.

Il-kumitat irċieva ittra mill-avukati ta’ Lionel Gerada li oġġezzjonaw għall-fatt li tqajmu xi dubji dwar il-kondotta tiegħu u l-ideonità tiegħu li jkun Events Organiser fi ħdan l-MTA.

Beppe Fenech Adami qal li bħala fatt jirriżulta li kien hemm tliet sentenzi li fihom kien hemm tħija kriminali fil-konfront ta’ Lionel Gerada u għalhekk il-kumitat ġustament qajjem din il-kwistjoni. Hu ppreżenta t-tliet sentenzi tal-qorti kriminali dwar il-ħtija ta’ Lionel Gerada.

Beppe Fenech Adami li minn meta inħatar fl-MTA Lionel Gerada, il-vot tal-events tela’ minn €2 miljuni għal €8 miljuni u hemm dubji dwar kif ingħataw ċertu sponsorships.

Gavin Gulia, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-MTA, xehed li hu ilu chairman sa mill-2013 u sostna li fl-2013 kien informat mill-Ministeru tat-Turiżmu biex isir direttur tal-Malta Marketing Ltd flimkien ma’ John Borg li kien Segretarju Permanenti.

Dwar il-ftehim bejn il-Malta Marketing Co. Ltd (MMC) u l-Vista Jet li sewa €4.5 miljun, Gavin Gulia qal li kien hemm ħlas mill-MTA u mill-MMC. Hu qal li kien iffirma dan il-kuntratt u spjega li l-MMC dejjem kienet allaċċjata mal-Ministeru tat-Turiżmu fejn mill-2004 intużat għal diversi servizzi allaċċjati mal-MTV. L-MMC kienet tintuża bħala marketing u branding u kienet intlabet li tidher fuq il-kuntratt tal-Vista Jet fl-2016.

Gavin Gulia qal li l-ewwel li kien kellmu dwar il-kuntratt kien l-ex CEO tal-MTA Paul Bugeja li kien qallu li se jkun hemm dan il-proġett ta’ branding tat-turiżmu u l-idea kienet tintuża l-MMC. Kien hemm ukoll l-involviment ta’ Josephine Farrugia li kienet allokata l-Ministeru tat-Turiżmu. Paul Bugeja kien qallu wkoll li kienet se tintuża l-Vista Jet.

Iċ-Chairman tal-MTA kompla li l-idea tal-Vista Jet tfaċċat l-ewwel darba kien fi żmien il-Ministru Zammit Lewis u ma jiftakarx jekk fi żmien il-Ministru Karmenu Vella din il-proposta kienitx rifjutata. Hu qal li dan kuntratt ta’ €4.5 miljun, bħal dak tal-Vista Jet, ma jitlax għad-diskussjoni tal-Bord tal-MTA

Gavin Gulia, li iffirma l-kuntratt mal-Vista Jet, kompla li qabel iffirma hu kien ra l-kuntratt u kien ra li l-miri jintlaħqu l-kunċetti ta’ branding. “Naf li mhix imsemmija fil-kuntratt”, sostna Gavin Gulia, li kompla li ma jafx min mill-MTA kien iddiskuta l-kuntratt mal-Vista Jet. Ma kontx involut f’dan, sostna Gavin Gulia, li qal li kien hemm l-involviemnt ta’ Josephine Farrugia u Leslie Vella flimkien ma’ Paul Bugeja. Hu kkonferma li Bugeja bagħat template ltal-kuntratt lil Farrugia.

“Mhux hekk xehdet Josephine Farrugia mill-Aġenzija tal-Avjazzjoni; li qalet li l-kuntratt ma kienet ratu qatt u kull m’għamlu kien li ntlabet ftehim”, irrimarka Chris Said għal din id-dikjarazzjoni ta’ Gavin Gulia.

Dwar min innegozja l-kundizzjonijiet tal-kuntratt mal-Vista Jet, Gavin Gulia qal li ma jistax min fiżikament innegozja għal hu kien chairman mhux eżekuttiv. Hu sostna li ma jikkonferma li kienu Paul Bugeja, Jospehine Farrugia u Leslie Vella li nnegozjaw il-kuntratt. Huma l-uffiċjali eżekuttivi li jistgħu jikkonfermaw jekk kienx hemm emails dwar il-kuntratt, sostna Gavin Gulia.

Id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami qal li f’dan il-kuntratt la sar pjan ta’ awditjar u anqas pjan ta’ marketing b’ Gavin Gulia qal li hu ma jiddubitax lil Leslie Vella għaliex dan għandu l-esperjenza neċessarja fit-turiżmu.

“Jien żgur ma nnegozjatx il-kuntratt”, sostna Gavin Gulia, li qal li dan il-kuntratt kien iffirmat bħal kuntratti oħra. Hu sostna li qatt ma kien iltaqa’ mal-uffiċjali tal-Vista Jet u kompla li kien iddiskuta l-kontenut ma’ Paul Bugeja.

Kien hemm intendiment mill-Ministeru tal-Finanzi li ġejjin l-€4.5 miljuni għal dan il-kuntratt, sostna Gavin Gulia, li kompla li kien hemm perjodu biex fih sar il-kuntratt. Dwar il-pjan kummerċjali għall-2016, Gavin Gulia qal li ma jafx kemm il-kuntratt kienx f’dan il-pjan. It-talba għall-flus mill-Ministeru tal-Finanzi kien isir mill-Eżekuttiv tal-MTA.

Dwar il-pagament ta’ €1.5 miljun f’Marzu 2018 Gavin Gulia qal li dik ma kinitx il-firma tiegħu. Gavin Gulia kien mistoqsi kif jispjega li l-invoice għal €1.5 miljun hi datata 23 ta’ Marzu 2018 u l-awtorizzazzjoni għall-ħlas hi data 22 ta’ Marzu 2018. Hu xehed li l-Eżekuttiv tal-MTA seta’ qabbad lil Josephine Farrugia biex tiffirma l-formoli ta’ awtorizzazzjoni.

Gavin Gulia kompla li kieku kien involut hu ma kien jaġixxi hekk u kien jiffirma hu bħala Kap Eżekuttiv u qal li l-media plan isir minn Leslie Vella. Gavin Guia qal li ma jafx jekk dan il-kuntratt telax fil-Bord Maniġerjali jew il-Bord Eżekuttiv tal-MTA. Il-kuntratt skada meta Gavin Gulia kien Chairman Eżekuttiv tal-MTA iżda ħadd ma kien wera ħsieb li dan il-kuntratt jiġġedded.

Dwar il-€250 li l-MTA kienet tħallas għal kull klikk fuq l-ipads tal-passiġġieri, Gavin Gulia irrifera dan għal Leslie Vella. Gavin Gulia qal li l-Vista Jet ġabet €20 miljun f’injezzjoni fl-ekonomija Maltija fis-sena. Dan il-kuntratt ġab riżultati rimarkabbli, sostna Gavin Gulia, li kompla li, jekk ikollu l-pariri, hu lest jerġa’ jagħmlu.

Dwar il-konferenza tal-aħbarijiet li swiet €50,000 Gavin Gulia qal li m’attendiex iżda jaf biha għax fiha kien hemm l-involviment ta’ ġurnalist minn Forbes. Hu sar jaf dan mingħand Paul Bugeja, li bħalu m’attendiex għall-konferenza. Gavin Gulia qal li ma jafx x’rappurtaġġ ingħata minn Forbes wara l-konferenza.

Hu sostna li ma kienx hu li vvettja l-kuntratt u ma ndunax li kien fih diskrepanzi ta’ klawsoli neqsin. Il-kuntratt ma kienx intenzjonat li l-Vista Jet iġġib turisti lejn malta għaliex dan kien kuntratt ta’ branding, sostna Gavin Gulia, li kkonferma li l-kelma branding ma tissemma’ imkien fl-istess kuntratt.