Iż-żagħżugħ Malti Kurt Cassar se jkompli l-karriera tal-basketball barra minn Malta wara li ffirma mat-tim tal-kampjonat A2 fl-Italja Agribertocchi Orzinuovi. Dan it-tim se jkun qed jilgħab f’dan il-kampjonat għat-tieni sena konsekuttiva wara li qabel kienu jimmilitaw fis-Serie B. Huma bħalissa qed jaħdmu biex isaħħu l-iskwadra tant li minbarra Cassar, diġà ħabbru tliet akkwisti oħra. L-istaġun li għadda ma tantx kien tajjeb għal Oriznuovi u din l-opportunità tista’ tgħin ukoll lil Cassar biex ikompli jikseb aktar minuti fil-court milli kellu l-istaġun li għadda.
Cassar li għad għandu 21 sena, kien ġibed l-attenzjoni ta’ Stella Azzurra Roma fl-2014 waqt tournament tat-tim nazzjonali. Fl-erba’ snin li għamel magħhom, Cassar lagħab mat-timijiet ta’ taħt is-17, it-18 u l-20 sena. Hu rnexxielu jilgħab fis-Serie C u fl-istaġuni 2016/2017 u 2017/2018 lagħab ukoll fis-Serie B. Fis-sajf tal-2018, Cassar ingħaqad ma’ Bakery Piacenza biex għall-ewwel darba kien se jilgħab fil-kampjonat A2 tal-Italja. Fl-istaġun kien lagħab ma’ Reale Mutua Torino.
Kurt Cassar hu plejer regolari tat-tim nazzjonali. Hu fosthom kien parti mit-tim nazzjonali Malti li sentejn ilu rebaħ il-Kampjonat Ewropew tal-FIBA għall-Pajjiżi ż-Żgħar. Fl-2017, Cassar rebaħ ukoll l-aqwa plejer fil-Kampjonat Ewropew tal-FIBA Diviżjoni Ċ ta’ taħt it-18-il sena li kien sar f’Ċipru. Minħabba l-pandemija tal-coronavirus, Kurt Cassar ilu f’pajjiżna mid-29 ta’ April u kif ikun possibbli se jerġa’ jmur l-Italja biex ikomplu jagħmel isem għalih u għal pajjiżna fil-basketball.
//= $special ?>