Lokali

“L-ebda għajnuna lill-familji għall-kontijiet tad-dawl” – Adrian Delia

Huwa pożittiv li l-Gvern ħa numru proposti li kien ressaq il-Partit Nazzjonalista, iżda bil-pjan li preżenta t-Tnejn, waqaf biss nofs triq, u ħalla lill-familji għal riħhom.

Hekk stqarr il-Kap tal-PN Adrian Delia waqt il-programm Magħkom tat-Tnejn, fejn fost l-oħrajn saqsa għaliex il-Gvern mhux jagħmel konsultazzjoni ma’ kulħadd inkluż l-Oppożizzjoni

Il-Kap tal-PN qal li dan kollu jixhed li l-Gvern jinsab għal kollox bla pjan u bla viżjoni, u li dawn il-miżuri ma jagħtu ebda direzzjoni fejn se ssir ir-riġenerazzjoni, u liema setturi se nixprunaw.

It-Tnejn b’ħafna pompi, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministri Edward Scicluna u Silvio Schembri ppreżentaw il-miżuri, f’dak li issa m’għadux jissejjaħ mini budget.

U filwaqt li ħabbar l-intenzjoni li jwaqqaf il-wage supplements fl-aħħar ta’ Settembru, il-Gvern irrelega għadd kbir ta’ persuni li s’issa qed jieħdu 800 ewro. Dan hekk kif, mix-xahar id-dieħel, kull min kien f’Anness A u mhux relatat direttament mat-turiżmu se jkunu qed jieħdu 600 ewro qabel il-qtugħ tat-taxxa u l-bolla … jew 25 fil-mija anqas.

Il-Kap tal-PN qal li Il-Gvern għal darb’oħra qed jerġa’ jkun reattiv u se jkun qed jimplimenta, b’xahrejn tard, uħud mill-miżuri li l-Partit Nazzjonalista flimkien ma’ bosta msieħba soċjali, qalu li kellhom jidħlu fis-seħħ sa mill-bidu tal-pandemija. Għalkemm fakkar li r-roħs tal-kontijiet tal-elettriku mhux se jkun għan-negozji kollha u l-familji mhu se jgawdu xejn minn dan ir-roħs.