Formula 1 Sport

Mercedes jirritornaw f’ċirkwit wara nuqqas ta’ madwar tliet xhur u nofs

(Ritratt: Mercedes F1)

Iċ-champions tad-dinja Mercedes irritornaw f’ċirkwit wara nuqqas ta’ madwar tliet xhur u nofs għal jumejn ta’ testijiet f’Silverstone. Bi preparazzjoni għall-bidu tal-istaġun fl-Awstrija x-xahar, Mercedes qed jużaw dan il-perjodu biex ikunu familjari mal-protokoll tas-saħħa u s-sigurtà li se jkunu imposti fiċ-ċirkwit ta’ Red Bull Ring.

Fl-ewwel ritratti ppubblikati, is-sewwieq Valtteri Bottas kien liebes maskra fil-garaxx, l-istess bħal Kap tat-Tim Toto Wolff. Mercedes ikkonfermaw li kull membru tat-tim preżenti huma negattivi għal Covid-19. Iċ-champion tad-dinja Lewis Hamilton ikun fl-azzjoni għada. It-timijiet tal-Formula 1 ma jistgħux isuqu karozzi preżenti waqt testijiet matul l-istaġun iżda r-regolamenti jippermettu sessjonijiet għal karozzi li huma tal-anqas ilhom sentejn. Mercedes użaw il-karozza W09 li ntużat fl-istaġun tal-2018.

Il-karozzi ilhom ma jkunu fiċ-ċirkwit mill-aħħar ġurnata ta’ testijiet tax-xitwa f’Barcelona fit-28 ta’ Frar. Il-fabbriki tat-timijiet reġgħu nfetħu wara disa’ ġimgħat magħluqin. Ferrari wkoll huma mistennija li jagħmlu testijiet simili hekk kif it-timijiet għandhom madwar xahar biex jippreparaw għall-bidu tal-istaġun li se jibda kważi erba’ xhur wara. Sa issa l-Formula 1 ippubblikat l-iskeda tal-ewwel tmien tlielaq tal-istaġun.