Lokali Parlament

Qafas ta’ proposti mill-Kamra tal-Periti għal serħan il-moħħ tal-pubbliku waqt xogħlijiet ta’ kostruzzjoni

Waqt id-diskors tiegħu fil-parlament dwar l-approvazzjoni tal-estimi ta’ dħul u nfieq tal-Awtorità Maltija tal-Ippjanar, id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina irrikonoxxa l-importanza li kemm s-smiegħ tal-bordijiet tal-Awtorità kif wkoll tat-Tribunal tal-Apelli bdew isiru b’ mod elettroniku hekk kif faqgħet il-pandemija.

Però issa, li l-Prim Ministru ddikjara li l-ħajja trid terġa’ lura għan-normal, dawk kollha interessati f’kull applikazzjoni għandhom jingħataw l-għażla li jsegwu s-smiegħ ta’ dawn il-bordijiet kemm b’mezzi eletroniċi kif wkoll b’ mod konvenzjonali. Permezz t’hekk, il-pubbliku jkun jista’ jsegwi dan s-smiegħ bla diffikultà ta’ xejn.

Hu għamel riferenza wkoll għall-fatt li l-liġi tħalli fid-diskrezzjoni taċ-chairmen ta’ dawn il-bordijiet jekk is-smiegħ ikomplix jew le f’każ li tinqata’ l-konnessjoni eletronnika tas-smiegħ tal-applikant u/jew tal-perit tiegħu. Din is-sitwazzjoni qed toħloq problemi kbar fis-sens li diġà kien hemm każi fejn għalkemm żviluppa qtugħ ta’ konnessjoni, iċ-chairman iddeċieda li jkompli bis-smiegħ.

Din is-sitwazzjoni qed toħloq żbilanċ u inġustizzja ma’ dawk milquta u għalhekk kien żball min-naħa tal-gvern li ma laqax l-appelli li saru mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista fil-parlament kemm fil-plenarja kif wkoll fi stadju ta’ kumitat li jekk għal xi raġuni jew oħra jinqata’ l-aċċess għas-smiegħ ta’ xi parti interessata, is-smiegħ għandu jiġi sospiż b’mod temporanju sakemm il-parti interessata jerġa’ jkollha l-aċċess għas-smiegħ.

Hu semma’ wkoll it-tul ta’ żmien esaġerat li clearances mill-Awtorità tal-Artijiet f’ kaz ta’ applikazzjoni għal żvilupp fuq art tal-gvern mill-kunsilli lokali, bdiewa jew minn terzi qed jieħdu.

F’ċertu każi, dan il-proċess qed jieħu aktar minn tliet xhur bil-konsegwenza li applikazzjoni qed tiġi irtirata b’mod awtomatiku mill-Awtorità tal-Ippjanar għax tkun għadha ma rċevietx il-clearance neċessarja mill-Awtorita tal-Artijiet.

Dan qed iwassal għal tbatijiet u spejjeż żejda għal dawk milquta u għalhekk l-Awtorità tal-Ippjanar għandha tagħmel terminu li matulu l-Awtorità tal-Artijiet tkun obbligata tirrispondi bħal ma jsir f’każ ta’ konsultazzjoni ma’ entitajiet oħra bħal Transport Malta, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, is-Supretendenza u entitajiet konsultattivi oħra.

Toni Bezzina għamel riferenza wkoll għall-qafas finali ta’ proposti li għamlet il-Kamra tal-Periti nhar is-Sibt li għadda dwar ir-regolamenti tal-bini u kostruzzjoni.

Dan il-qafas regolatorju sar wara konsultazzjoni ta’ 12-il xahar ma’ diversi entitajiet fosthom il-Kamra tal-Inginiera, il-Kamra tal-Kummerċ, il-BICC, il-BRO, il-BCA, l-MDA, il-Malta Insurance Association, mal-gvern, mal-Oppożizzjoni u mal-Unjoni Ewropea. Dan kien eżempju ċar ta’ kif konsultazzjoni wiesgħa u serja għanda ssir.

Dan il-qafas regolatorju hu mfassal fuq 10 principji principali, fosthom is-separazzjoni tal-proċessi tal-ippjanar minn dawk tal-kostruzzjoni, il-proċessi regolatorji li jassiguraw s-sigurtà tal-pubbliku, id-distinzjoni ċara bejn regolamenti tal-bini u dawk tal-kostruzzjoni, ir-rwol tal-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni fil-verifika tal-bini, ħruġ ta’ permessi, infurzar u moniteraġġ, l-introduzzjoni tal-Inġinier Awditur fuq proġetti kbar, il-klassifikazzjoni u liċenzjar tal-kuntratturi, li-infurzar tar-regolamenti tal-kostruzzjoni, l-obbligu li proġetti jkunu ċertifikati li x-xogħlijiet ikunu konformi mad-disinn tagħhom, il-ħruġ ta’ Compliance Certificate mill-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni u li jsir awditjar kontinwu tul il-ħajja tal-bini.

Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina rringrazzja lill-Kamra tal-Periti għall-impenn tagħha fuq bażi volontarja biex tfassal qafas regolatorju li jassigura kemm is-sigurtà tal-pubbliku kif wkoll xogħol ta’ kwalità f’dak kollu li għandu x’ jaqsam mal-industrija tal-bini u kostruzzjoni.