Kultura Lokali

Sitt siti ta’ Heritage Malta miftuħa mingħajr ħlas matul Ġunju

L-ewwel pass lejn in-normalità f’dan il-qasam

Hekk kif il-miżuri tas-saħħa pubblika relatati mal-imxija tal-COVID-19 qegħdin jiġu rilaxxati, Heritage Malta qed tħabbar il-ftuħ tal-ewwel sitt siti u mużewijiet tagħha.

F’konferenza tal-aħbarjijiet, Noel Zammit u Anthony Scicluna, il-Kap Eżekuttiv u ċ-Chairperson ta’ Heritage Malta rispettivament, ħabbru li minn din il-ġimgħa ser jinfetħu l-Forti Sant’Iermu, il-Forti Sant’Anġlu, it-Tempji tal-Imnajdra u Ħaġar Qim, ta’ Ħal Tarxien u l-Ġgantija, kif ukoll il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija. Dawn is-siti ser jinfetħu għall-pubbliku s-Sibtijiet u l-Ħdud kollha ta’ Ġunju, bejn l-10a.m. u l-5p.m.mingħajr ħlas.

Il-Kap Eżekuttiv qal li l-viżitaturi huma fiċ-ċentru tas-servizz li toffri Heritage Malta. Is-Sur Zammit qal li s-sitt siti li ser jinfetħu ser ikunu qed isegwu l-linji gwida maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa biex ikunu siguri għal min irid igawdi l-patrimonju Malti. Huwa qal li fil-postijiet li ser ikunu miftuħa għall-pubbliku sar xogħol ta’ diżinfettar, waqt li kull viżitatur ser titteħidlu t-temperatura qabel jidħol fis-sit. Huwa ħeġġeġ lill-Maltin biex igawdu l-patrimonju Malti bl-użu tal-Passaport ta’ Heritage Malta.

“Matul l-imxija tal-COVID-19, bħala Aġenzija addattajna l-operat tagħna biex nassiguraw li l-poplu Malti u Għawdxi jibqa’ kemm jista jkun qrib tal-wirt storiku tiegħu,” spjega Anthony Scicluna, iċ-Chairperson ta’ Heritage Malta. “Waqt li dak li ħadem tajjeb ser inżommuh, issa ser inkunu nistgħu nerġgħu noffru esperjenza iktar ħolistika wkoll.”

Huwa mistenni illi ladarba din il-fażi inizzjali ta’ ftuħ tikseb riżultati pożittivi, Heritage Malta ssegwi billi tkompli tiftaħ iktar siti u mużewijiet għat-tgawdija tal-pubbliku.

Għal aktar tagħrif, żuru s-sit www.heritagemalta.org  u l-Facebook Heritage Malta.