Futbol Sport

Skont l’Equipe Thiago Silva se jħalli lil Paris-Saint Germain

(Ritratt: EPA)

Rapporti fil-media fi Franza qed jgħidu li l-captain ta’ Paris Saint-Germain Thiago Silva mhux se jkun offrut kuntratt ġdid meta dak eżistenti jiġi fi tmiemu f’dan l-istaġun. Id-difensur ta’ 35 sena, lagħab aktar minn 300 logħba maċ-champions Franċiżi minn meta ngħaqad magħhom mingħand Milan fl-2012.

Skont il-gazzetta nfluwenti Franċiż L’Equipe, ġie mgħarraf mid-Direttur Sportiv tal-klabb Leonardo li l-kuntratt mhux se jkun imġedded. Dan wassal għal spekulazzjoni li Silva jista’ jirritorna ma’ Milan jew jingħaqad ma’ Everton fil-Premier League biex jerġa’ jkun immexxi minn Carlo Ancelotti. It-tnejn ħadmu flimkien ma’ Milan u PSG.

F’intervista li kien ta’ fl-2013, Silva qal li ħadem ma’ ħafna kowċis fil-karriera iżda semma lil Carlo Ancelotti bħala wieħed li jispikka. Hu semma b’mod partikolari li minkejja li ma lagħbx fl-ewwel sitt xhur ma’ Milan, Silva jqis li dawn kienu l-aktar importanti għalih għaliex biddlulu ħajtu. Jekk l-aħbar tkun konfermata, Silva jilgħab ma’ PSG fil-UEFA Champions League f’Awwissu qabel iħalli l-klabb.