Internazzjonali

Spanja: L-eks Re, Juan Carlos, investigat dwar korruzzjoni

Il-Qorti Suprema ta’ Spanja bdiet tinvestiga lill-eks Re Spanjol, Juan Carlos, dwar il-possibbiltà li hu aċċetta ħlas (commissions) illegali b’konnessjoni ma’ proġett għall-ferroviji ta’ veloċità speċjali, fl-Arabja Sawdija.

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Ewlieni qal l-investigazzjoni qed tikkonċentra fuq l-allegata konnessjoni ta’ Juan Carlos ma’ dan il-proġett, wara li hu kien abdika minn kap tal-monarkija f’Ġunju tal-2014. Ladarba Juan Carlos spiċċa minn Re hu tilef l-immunità għall-prosekuzzjoni fil-każ ta’ suspettat reat.

Intant, il-kuntratt għall-bini ta’ aċċess bil-ferrovija (fl-Arabja Sawdija) bejn Mecca u Medina kien intrebaħ minn kumpaniji Spanjoli — bl-investigazzjoni anki qed tinkludi l-banek fl-Iżvizzera.

L-uffiċjali Spanjoli kontra l-korruzzjoni jissuspettaw li l-eks Re kien żamm il-fondi ‘mhumiex iddikjarati’ fl-Iżvizzera u l-allegazzjoni relatata anki qed tkun investigata mill-awtoritajiet Żvizzeri.

Dan meta l-istess uffiċjali Spanjoli qed jistennew dokumentazzjoni speċifika mill-Iżvizzera, bl-investigazzjoni qed tikkonċentra fuq ‘ir-relevanza tal- azzjonijiet ( min-naħa tal-eks Re) wara Ġunju tal-2014’.

Juan Carlos u l-avukati tiegħu baqgħu ma kummentawx dwar dan il-każ, bil-Gvern Spanjol isostni li ‘il-ġustizzja għandha tkun l-istess għal kulħadd’ u li mhux beħsiebu jindaħal fl-investigazzjoni.

F’Marzu, ir-Re ta’ Spanja, Felipe, kien warrab għall-wirt ta’ missieru, Juan Carlos, li illum għandu 82 sena. Kelliema għall-Palazz f’Madrid qalu wkoll li Juan Carlos ma kellux ikompli jingħata grant ta’ 194,000 ewro fis-sena.