Internazzjonali

Stati Uniti: Libertà proviżorja għall-pulizija suspettat bil-qtil ta’ George Floyd

Eks pulizija li qed ikun akkużat bil-qtil ta’ raġel iswed f’Minneapolis deher għall-ewwel darba fil-qorti fejn ingħata l-libertà proviżorja fuq garanzija ekwivalenti għal aktar minn miljun ewro.

Derek Chauvin qed jiffaċċja diversi akkużi, fosthom akkuża ta’ qtil involontarju, għal aġir li, fil-25 ta’ Mejju, wassal għall-mewt ta’ George Floyd li kien spiċċa arrestat u miżmum mal-art mill-pulizija, f’Minneapolis.

Il-filmati tal-arrest u ta’ Chauvin qed iżomm irkobbtu magħfus fuq l-għonq ta’ Floyd għal diversi minuti wasslu għal mewġa ta’ protesti madwar l-Istati Uniti u għal moviment fuq livell globali kontra r-razziżmu.

Tliet pulizija oħra li kienu ma’ Chuavin fil-ħin tal-arrest qed ikunu akkużati bħala kompliċi fl-omiċidju u meta huma wkoll, l-istess bħal Chauvin, spiċċaw imkeċċija mill-korp.

Il-prosekuturi rreferew għall-akkużi gravi miġjuba kontra Chauvin, kif ukoll għall-għadab popolari dwar il-qtil ta’ Floyd, bħala r-raġuni wara l-impożizzjoni ta’ pledge daqshekk għoli għal-libertà proviżorja tal-eks pulizija.