Qorti

Tliet Bulgari mixlija bi frodi u serq ta’ madwar €250,000 minn Casino

Tliet Bulgari ġew mixlija li ffrodaw u serqu b’madwar €250,000 lill-kumpanija Casino Malta Limited, propjetarji tal-Grupp Eden. Wieħed mill-Bulgari kien jaħdem il-Casino filwaqt li t-tnejn l-oħra kienu jmorru jilgħabu l-flus fil-post allegatament iffrodat.

It-tliet Bulgari li wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom jgħixu Malta flimkien mal-familja tagħhom. Huma nġħataw il-libertà proviżorja fuq garanzija personali ta’ €8,000 kull wieħed.

Huma tressqu l-Qorti b’rabta ma’ investigazzjoni mmexxija mill-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan dwar allegat serq ta’ madwar kwart ta’ miljun ewro minn dan l-istabbiliment tal-logħob li jinsab f’San Ġiljan.

L-allegat reat seħħ fuq perjodu ta’ ftit anqas minn tliet snin, bejn Ottubru tal-2017 u Jannar li għadda. Miroslav Minchev ta’ 36 sena li kien jaħdem fil-Casino u Dobri Enev ta’ 27 sena flimkien ma’ Viktor Lendiev ta’ 32 sena li kienu jmorru jilgħabu l-flus fil-Casino tressqu mill-Ispettur Joseph Xerri u ġew mixlija b’serq, frodi u serqu filwaqt li Minchev kien akkużat ukoll b’falsifikazzjoni.

Għal Minchev u Enev li jaħdmu bħala deliveryman qegħdin jidhru l-Avukati Joseph Giglio u Roberta Bonello filwaqt li għal Leondiev li jaħdem ma’ kumpanija privata bħala Operations Manager qed jidher l-Avukat Noel Bianco li qegħdin ukoll jikkontestaw sew l-ammont allegat iffrodat imsemmi.

F’Jannar li għadda uffiċjali tal-istabbiliment għamlu rapport lill-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan, illi ħaddiem u żewġ persuni oħra, allegatament kienu qegħdin jaġixxu b’mod suspettuż fejn allegatament kienu qegħdin jirbħu ammont konsiderevoli ta’ flus.

Minnufih bdew l-investigazzjonijiet tal-Pulizija sabiex ikun stabbilit il-movumenti ta’ dawn it-tliet persuni. Irriżulta minn sigħat twal ta’ investigazzjonijiet, li l-allegat serq seħħ bejn Ottubru 2017 u Jannar 2020.  

Leondiev joqgħod is-Swieqi, filwaqt li Enev u Minchev joqgħodu San Ġiljan u San Ġwann. Il-Prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għal libertà proviżorja tal-akkużati tenut kont għall-fatt li sa mill-10 ta’ Jannar meta huma ġew arrestati dejjem ingħataw il-Police Bail u kull darba mitluba jmorru sabiex jiġu nvestigati dejjem attendew u kkoperaw mal-Pulizija.

Madankollu l-Prosekuzzjoni talbet lill-Qorti biex jiġu ffriżati l-assi kollha tal-akkużati, liema talba kienet milqugħa mill-Qorti, li nfurmat  lill-Bulgari biex jiffirmaw fl-Għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan darbtejn fil-ġimgħa u jattendu l-Qorti meta mitluba. L-Avukat Stephen Tonna Lowell deher f’isem il-Casino.