Lokali Parlament

Żvilupp ta’ żona industrijali f’Wied il-Kbir twassal għal inkonvenjent kbir għar-residenti ta’ Ħal Farruġ

Waqt l-aġġornament, id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina, għamel referenza ghall-applikazzjoni li qeda tiġi ikkunsidrata mill-Awtorità tal-Ippjanar f’Wied il-Kbir, li jinsab bejn Ħal Farruġ u Ħal Qormi, biex razzett flimkien ma’ art agrikola jiġu trasformati f’żona industrijali b’inkonvenjent kbir fil-konfront tar-residenti ta’ Ħal Farruġ, periklu għad-dilettanti tan-nar tas-Soċjetà Mużikali San Bastjan ta’ Ħal Qormi kif wkoll effett negattivi fuq l-ambjent tal-madwar.

Hu qal li dan il-proġett imur kontra diversi policies li jirregolaw l-iżvilupp, fosthom il-Pjan Lokali taż-żona, l-iSPED kif wkoll il-policies li jirregolaw żvilupp f’żoni barra ż-żona ta’ żvilupp. Kien għalhekk li Toni Bezzina, f’ isem ir-residenti ta’ Ħal Farruġ, ressaq quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar diversi oġġezzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom din l-applikazzjoni għal żvilupp industrijali f’ Wied il-Kbir għandha tiġi rifjutata.

Toni Bezzina għamel appell lill-gvern biex is-sens komun jirbaħ u din l-applikazzjoni tkun rifjutata. Dan filwaqt li saħaq li se jkun qed jagħmel l-almu tiegħu, kemm fil-parlament kif wkoll barra minnu, biex jara li l-interessi tar-residenti kollha ta’ Ħal Farruġ, is-saħħa u s-sigurtà tad-dilettanti tan-nar ta’ San Bastjan ta’ Ħal Qormi kif wkoll is-sbuħija tal-ambjent tal-madwar ma jkunux mittiefsa.

Fl-istess diskors, id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina għamel riferenza wkoll għal direttiva li ħargħet il-‘UHM – Voice of the Workers’ fil-konfront tax-xufiera tal-karozzi tal-linja fejn din tagħti struzzjonijiet lill-membri tagħha biex ma jsuqux il-karozzi tal-linja meta t-temperatura fil-karozza tal-linja tkun ‘il fuq minn 30 grad ċentigradu.

Dan fil-kuntest li kienet ittieħed id-deċiżjoni li minħabba il-pandemija tal-COVID-19, l-arja kundizzjonata fuq il-karozzi tal-linja jinzamu mitfija. Għalhekk, hu għamel appell biex il-gvern flimkien mal-awtoritajiet tas-saħħa janalizza il-vantaġġi u l-iżvantaġġi li ġġib magħha d-deċiżjoni li l-arja kkundizzjonata fil-karozzi tal-linja ma tkunx imħaddma u dan fil-kuntest tas-sħana li jġib miegħu s-sajf kif wkoll il-fatt li fil-parti kbira tagħhom, it-twieqi fil-karozzi tal-linja ma jinfetħux.

B’referenza għall-istqarrija li ħareġ l-operatur tat-trasport pubbliku meta qal li mhux ser jixgħel l-arja kundizzjonata fuq il-karozzi tal-linja għax huma jobdu d-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa, Toni Bezzina staqsa għaliex ma għamlux l-istess fir-rigward tal-ilbies ta’ maskli fuq il-karozzi tal-linja minflok ħarġu ċirkulari lix-xufiera jagħtuhom struzzjonijiet biex jiksru d-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa u xorta jtellgħu passiġġieri li ma jkunux liebsin maskla?

Id-deputat Nazzjonalista staqsa għaliex diversi suggerimenti li għamlet il-PN biex tiġi salvagwardjata s-saħħa u s-sigurtà kemm tax-xufiera kif wkoll tal-passiġġieri waqt l-eqqel tal-pandemija, ma ġewx implimentati mill-operatur tat-trasport pubbliku.

Toni Bezzina rringrazzja lix-xufiera kollha li fl-eqqel tal-pandemija xorta baqgħu jagħtu servizz lill-pajjiżna u għamel appell lill-gvern biex flimkien mal-awtoritajiet tas-saħħa janalizza din is-sitwazzjoni u joħroġ b’soluzzjoni li ssib bilanċ bejn l-effet li din il-pandemija jista’ jkollha fir-rigward ta’ tifriex tal-virus f’ postijiet magħluqa bħal ma hi karozza tal-linja fis-sħana tas-sajf u l-operat tal-arja kundizzjonata biex tkun iċċirkolata l-arja fl-istess karozzi tal-linja.