Lokali

48 xahar ħabs għal żewġ żgħażagħ fuq għadd ta’ serqiet

Żewġ żgħażagħ minn Ħal Għaxaq ġew ikundannati 48 xahar ħabs bejniethom wara li ammettew li kienu nvoluti f’għadd ta’ serqiet madwar Malta u li għamlu ħsara fil-postijiet fejn serqu li kienu jinkludu diversi stabbilimenti.

Aidan Bartolo ta’ 21 sena ġie kundannat 28 xahar ħabs filwaqt li Clyde Mallia ta’ 20 sena, ġie kundannat 20 xahar ħabs mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech tqies il-fatt li Mallia kien għadu taħt l-età meta wettaq ir-reati u għaldaqstant il-piena fil-konfront tiegħu tonqos bi grad.

Huma ammettew li f’xi lejl ta’ bejn is-16 u t-18 ta’ Jannar, 2016, ikkommettew serq ta’ flus kontanti, sigaretti u oġġetti oħra mill-ħanut ‘Lunch Box’ li jinsab fi Blata l-Bajda, Ħamrun, liema serq aggravat. Kif ukoll li għamlu ħsara fil-propjetà misruqa.

Ammettew ukoll li fid-19 ta’ Jannar, 2016, kmieni filgħodu, kkommettew serq ta’ flus kontanti, sigaretti u oħra minn ġewwa ‘Roni’s Mini Market’ li jinsab l-Imsida, bil-valur li jeċċedi l-ammont ta’ €2,329.37. Kif ukoll li fl-istess post għamlu ħsara fosthom ta’ cash register.

Li fil-lejl ta’ bejn id-19 u l-20 ta’ Jannar, 2016, serqu cash register, flus kontanti, u oġġetti oħra mill-istabbiliment ‘Truck Shop’ fil-Gudja, bil-valur ma jeċċedix l-ammont ta’ €2,329.37 u li iżda jikkwalifika bħala serq aggravat. Ammettew ukoll li volontarjament għamlu ħsara f’dan il-post. Il-Qorti f’dan il-każ  qalet iżda li l-aggravju fil-valur ma jirriżultax f’dan il-każ.

Sadanittant dwar każ li kien seħħ fit-28 ta’ Jannar, 2016, għall-ħabta ta’ 2:00am.dik li kkommettew serq ta’ flus kontanti, sigaretti u oġġetti oħra minn ġewwa ‘Diana Kiosk’ sitwat li jinsab fil-Belt, bil-valur li jeċċedi l-ammont ta’ €2,329.37 ħareġ mill-provi, li s-sigaretti nstabu mal-art u ma nsterqux.

Sid il-Kiosk qal li kien sofra telf ta’ €80 biss fejn is-sigaretti li kienu fil-magni tas-sigaretti “kienu mal-art ghax min daħal ma hadhomx, ghax il-pulizija kienu laħqu qabduhom fil-fatt”, anke jekk xi ħsara saret.

Aidan Bartolo waħdu ma nstabx ħati li fil-lejl ta’ bejn it-13 u l-14 ta’ Diċembru, 2015,  seraq flus kontanti u  oġġetti oħra mill-Kiosk ‘Tanti Junior Paradise Gelateria’ li jinsab fix-Xatt, Tas-Sliema liema serq huwa aggravat u li jaqbeż l-ammont ta’ €2,329.37 u li għamel ħsara fl-istess Kiosk.

Clyde Mallia waħdu ma nstabx ħati lanqas li fl-20 ta’ Jannar, 2016, kmieni filgħodu, ikkommetta serq ta’ flus kontanti, sigaretti, xorb u oġġetti oħra mill-‘Gudja United Football Club’ liema serq huwa aggravat u li jeċċedi l-ammont ta’ €2,329.37 u bil-ħin għad-dannu tal-Kumitat ta’ Gudja United FC.

U lanqas ma nstab ħati li għamel ħsara f’dan il-każin tal-futbol, iżda nstab ħati li kiser waħda mill-kundizzjonijiet imposti fuqu b’digriet għal-ħelsien mill-arrest, liema kundizzjonijiet ingħatawlu taħt garanzija personali ta’ €2,500, liema somma kienet ordnata li tiġi konfiskata lill-Gvern ta’ Malta.

Illi dwar il-piena l-Qorti qieset l-ammissjoni tal-imputati għalkemm din ma ngħatatx fi stadju bikri, l-kondotta tagħhom minn fejn jirriżulta li, fiż-żmien tal-imputazzjonijiet li dwarhom qed tinstab ħtija, Mallia kien ghadu taħt l-età meta wettaq ir-reati.

Il-Qorti qalet li l-artikolu 279(b)  jipprovdi għall-piena ta’ priġunerija għall-żmien minn 13-il-xahar sa seba’ snin ħabs. Fir-rigward ta’ Mallia dik il-piena għandha tibbenefika minn tnaqqis ta’ bejn grad jew żewġ gradi tenut kont tal-fatt li fiż-żmien tar-reati li qed tinstab ħtija dwarhom, Mallia kien għadu minuri.

Dwar Bartolo, il-Qorti qalet li ma tistax tagħti piena kif mitluba mid-difiża li toħroġ mit-termini tal-Att dwar il-Probation u dan għal diversi raġunijiet fosthom li  mix-xhieda tal-uffiċjal tal-probation, jirriżulta n-nuqqas t’affidabilità ta’ Bartolo kif wara kollox, tixhed il-fedina penali aġġornata tiegħu.

Irriżulta wkoll li Bartolo preżentement qed jiskonta sentenza ta’ priġunerija u għalhekk il-Qorti hi prekluża milli tinfliġġi fuqu sentenza ta’ priġunerija sospiża u dan ai termini tal-Artikolu 28A(7)(a) tal-Kodiċi Kriminali.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi James Grech u Daryl Borg filwaqt li għal Clyde Mallia deher l-Avukat Amadeus Cachia u għal Aidan Bartolo deheret l-Avukat Veronique Dalli.