Qorti

Erba’ Maġistrati se jaqsmu bejniethom il-kawżi tal-Pulizija tat-Traffic b’rabta mal-abbużi fuq is-sahra

Erba’ Maġistrati ġew assenjati l-kawżi b’rabta mal-allegati abbużi ta’ sahra ta’ Pulizija fis-sezzjoni tat-traffiku li allegatament kien ilu sejjer għal żmien twil. Il-Maġistrati Audrey Demicoli, Marsanne Farrugia, Rachel Montebello u Ian Farrugia ġew assenjati lilhom il-kawżi kontra 32 membru tal-Korp tal-Pulizija, b’rabta mal-allegat abbużi fis-sezzjoni tat-traffiku.

Il-piż mistenni jinqasam ugwali bejn l-erba’ Maġistrati li mistennija jiddeċeidu tmien każijiet kull wieħed. Sa issa għad mhemmx data għal meta se jibdew il-każijiet fil-konfront tal-Pulizija u dan peress li f’kawżi ta’ ċitazzjoni dawn jistgħu jieħdu perjodu twil, anke ta’ xhur biex jibdew, u huwa biss il-Maġistrat li jiddeċiedi meta l-kawżi jibdew.

Il-Pulizija se jkunu qegħdin jiġu akkużati bi frodi, kompliċità ta’ frodi, li għamlu dikjarazzjonijiet foloz u kompliċità tal-istess dikjarazzjonijiet iżda mhux se jkunu akkużati b’ħasil ta’ flus kif kien maħsub oriġinarjament u kien għalhekk li dawn ma tressqux b’arrest.  

Dawk li se jiffaċċaw il-ġustizzja jinkludu lis-Supretendent Walter Spiteri, Kap tat-Taqsima tat-Traffiku li kien reġa’ ddaħħal fil-Korp fl-1 ta’ Jannar tal-2017 u li fi Frar li għadda rriżenja b’rabta ma’ dan il-każ. 

Huwa kien imexxi s-Sezzjoni tat-Traffiku u r-riżenja tiegħu kienet ġiet aċċettata,. Għandhom jitressqu wkoll l-Ispetturi Pierguido Saliba u Nikolai Sant li flimkien mas-Supretendent Walter Spiteri mistennija jiffaċċaw akkuża ta’falsifikazzjoni ta’ dokumenti, dik li approvaw sahra li qatt ma saret.

Il-membri tal-Korp tal-Pulizija l-oħra li qegħdin jiġu akkużati huma fir-ranks ta’ Surġenti u Kuntistabbli u li minnhom waħda minnhom hija Pulizija mara.

L-investigazzjoni dwar allegat abbuż ta’ għexieren ta’ eluf ta’ ewro f’sahra minn Pulizija tat-Traffiku fejn kien qed ikun allegat ukoll li kien hemm ġbir ta’ “flus ta’ protezzjoni” mingħand kumpaniji tal-kostruzzjoni u miżapropjazzjoni ta’ fuel.

L-allegat abbuż mis-sahra kien spiċċa wkoll fuq il-media internazzjonali, fosthom fuq Reuters u The New York Times fejn issemma wkoll l-allegat użu ta’ fjuwil għall-vetturi privati tal-uffiċjali tal-Korp.

Minbarra stejjer ta’ eluf ta’ ewro fi ħlasijiet minn taħt, fi Frar kienu inkixfu wkoll stejjer ta’ theddid fuq uffiċjali oħra tal-Pulizija, relazzjonijiet intimi bejn Pulizija f’forma ta’ tpattija, serq ta’ fuel, xibka ta’ hbiberiji, ċitazzjonijiet maħfura b’mod abbużiv u ħafna aktar.