Coronavirus Edukazzjoni Lokali

Esplora jerġa’ jiftaħ il-bibien għall-pubbliku u jiġu mnedija Trails ġodda

B’żona ta’ madwar 22,000m(2) tagħti fuq il-Port il-Kbir, iċ-Ċentru Nazzjonali Interattiv għax-Xjenza reġa’ fetaħ il-bibien tiegħu għall-avveniment tant mistenni bit-titlu Scientastic Edition.

Esplora ħa l-prekawzjonijiet kollha neċessarji sabiex iċ-ċentru jkun jista’ jerġa’ jiftaħ għall-pubbliku biex joffri esperjenzi edukattivi u ta’ divertiment, immirati kemm għaż-żgħar, kif ukoll għal dawk li għandhom spirtu żagħżugħ.

B’konformità mal-gwidi tas-Saħħa Pubblika u dawk maħruġa mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), il-biljetti se jkunu biss disponibbli onlajn. Dan sabiex naċċertaw li ma jkunx hemm iffullar u b’hekk ma tiġix ipperikolata s-saħħa u s-sigurtà tal-impjegati u dik tal-viżitaturi.

Il-membri tal-istaff ingħataw taħriġ relatat maċ-ċirkostanzi preżenti minn uffiċjali tal-Awtorita’ tas-Saħħa Pubblika, inkluż epidemjologu, fejn irrimarkaw li Esplora eċċeda l-aspettativi kollha f’dan ir-rigward.

Il-Content Developers tal-Esplora, kif ukoll is-Science Communicators iddisinjaw tliet trails fantastiċi għall-pubbliku. Dawk il-viżitaturi li għandhom ’il fuq minn sitt snin jistgħu jibbukkjaw minn qabel it-trail Earth and Beyond, esperjenza ta’ erba’ siegħat li permezz tagħha jsiru aktar familjari mal-pjaneta tagħna, l-Univers, kif ukoll isiru jafu dwar diversi miżuri favur l-ambjent.

Jew minflok jistgħu jagħżlu t-trail Music for our Senses, li f’esperjenza ffaċilitata ta’ erba’ siegħat, ikunu jistgħu jesploraw diversi idejat bħal pereżempju ‘kif l-ħoss jasal minn post għall-ieħor’, ‘kif l-illużjonijiet jistgħu jqarqu b’moħħna’, ‘kif jesperimentaw bid-dawl u d-dellijiet’, u anke jimxu fil-kuridur pjanu.

Min-naħa l-oħra, għall-esploraturi ż-żgħar, dawk li għandhom bejn tlieta u ħames snin, hemm it-trail Little Esploras, li f’erba’ siegħat żgur li se jsibu ħafna opportunitajiet biex jissodisfaw il-kurżità u jesprimu l-kreattività tagħhom.

Barra minn hekk, iċ-ċentru ħaseb li jipprovdi wkoll opportunità għall-viżitaturi sabiex ikunu jistgħu jniżżlu verżjoni diġitali tal-menu tal-EsploraCafé minn fuq l-ismartphones tagħhom bl-użu ta’ QR Code. Se jkun hemm ukoll il-possibiltà li wieħed juża styluses mal-iscreens tal-esibiti. Dawn huma ftit mill-miżuri li ttieħdu sabiex noffru ambjent sigur u divertenti għall-viżitaturi.

Dr. Jeffrey Pullicino Orlando, iċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, esprima s-sodisfazzjon tiegħu li ċ-ċentru Esplora kien ippreparat li jiftaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku immedjatament kif ingħata l-gwida mill-Awtoritajiet tas-Saħħa lokali. Irrikonoxxa wkoll il-preparamenti li saru mill-membri kollha tat-tim tiegħu fejn saħaq li dan involva ħidma intensiva.

Għal aktar tagħrif żuru http://esplora.org.mt/scientastic-week/ u biex tkunu tafu aktar dwar il-miżuri tas-saħħa u s-sigurtà aċċessaw http://esplora.org.mt/your-visit/. Biex tibbukjaw it-trails minn qabel idħlu fis-sit https://www.showshappening.com/Esplora-Science-Centre/Scientastic-Weekend-Esploras-Reopening. Għal izjed tagħrif, tistgħu tagħmlu kuntatt tat-tim tagħna fuq 2360 2300..