Lokali

Dwar is-sensji fl-Air Malta “no backtracking” – Robert Abela

Il-Gvern ta’ Robert Abela jinsab deċiż li jkeċċi lil 69 bdot tal-Air Malta, minkejja li preżentament għaddejjin bi proċeduri l-Qorti. L-Erbgħa filgħodu Abela insista li m’huwa ser ikun hemm l-ebda backtracking fid-deċiżjoni li ttieħdet, bil-Ministru responsabbli mill-linja tal-ajru nazzjonali Silvio Schembri jagħti l-appoġġ sħiħ lill-Prim Ministru.

Nhar it-Tnejn, 15 ta’Ġunju, il-Qorti mistennija tħabbar l-eżitu tad-destin ta’ dawn il-bdoti wara li l-Ħadd, l-Unjin tal-Bdoti, l-ALPA, resqet rikors kontra d-deċiżjoni li ħa l-Gvern Laburista – jiġifieri s-sensji ta’ nofs il-piloti tal-linja tal-ajru nazzjonali.

Jekk id-decizjoni tinqata’ favur il-bdoti, Robert Abela insista li m’hu qed jeskludi xejn dwar il-ġejjieni tal-linja tal-ajru nazzjonali…b’nies vicin l-industrija jakkuzaw lill-Gvern li dan mhu xejn ghajr pjan premeditat li dwaru kien tkellem Silvio Schembri ftit tal-ġimgħat ilu.

Intant….waqt li kien qed jiġi mistoqsi minn Net News, l-Ministru tal-Ekonomija kkonferma dak li tħabbar it-Tnejn, jiġifieri li mir-rohs fil-kontijiet tal-enerġija se jgawdu biss dawk in-negozji li għalqu waqt il-Covid. L-oħrajn, mhux se jirċievu refund fuq il-kontijiet tal-elettriku.

Dan ifisser li negozji bħal ħwienet tal-merċa, spiżeriji, ħwienet tad-deterġenti u l-affarijiet tad-dar, showrooms u stabbilimenti li jbiegħu l-appliances, furnara, ġelateriji, take-aways, pastizzeriji, supermarkets, stabbilimenti tal-għodda, kumpaniji tal-marketing, aġenziji fis-suq tal-proprjetà, uffiċini privati, u ċentri kummerċjali li jbiegħu apparat elettorniku – dawn kollha MHUX se jgawdu mir-roħs fil-kont tal-elettiriku.