Lokali Parlament

Il-gvern tilef opportunità li jkollna futur aħjar flok għada aħjar biss

Mario de Marco, PN

Il-gvern tilef opportunità li jikkonsulta u li jkun nazzjonali u innvotattiv fis-soluzzjonijiet biex joffri futur aħjar u mhux biss għada aħjar.

Dan sostnieh id-deputat Nazzjonalista Mario de Marco fil-parlament fejn qal li l-gvern għandu jaffronta l-kriżi b’onestà, għaqal u kuraġġ. Ftit qabilha kien hemm żewġ kriżijiet oħra li effettwaw l-ekonomija tal-pajjiż; ir-rapport tal-Moneyval u l-kriżi politika li fiha kien hemm anki r-riżenja tal-Prim Ministru Muscat.

Dawn il-kriżijiet ġabhom il-gvern waħdu u jistgħu jkunu riżolti biss bil-politika ta’ onestà.

Hu tkellem dwar iż-żieda fid-dejn u l-importanza li din tkun sostenibbli. Dwar il-finanzi tal-gvern, hu qal li f’April id-dħul bejn Jannar u April naqas bi kwart ta’ biljun waqt li l-ispiża bejn Diċembru 2012 u l-aħħar sena li għaddiet telgħet minn €2,488miljun għal €4,216 miljun; żieda 96% tan-nefqa rikorrenti jew 10% fis-sena. Dan il-gvern adotta politika ta’ ‘il-flus mhux problema’ li ġabet problema meta naqas id-dħul.

In-nefqa rikorrenti żdiedet b’€243 miljun fl-ewwel kwart tas-sena fejn kienu €50 miljun biss li kienu marbuta mal-miżuri tal-COVID 19. Dwar il-fondi Ewropej, Mario de Marco qal li dawn ma ssemmew imkien fil-minibudget tal-gvern.

Il-gvern qed ikaxkar saqajh u mhux ifittex għaqda f’dan iż-żmien bla preċedent. L-UE qed tgħid hemm €992 miljun għall-ħaddiema u negozji flimkien maż-żgħażagħ. Minnhom €642 huma self waqt li t-€300 miljun l-oħra huma għotjiet. Il-gvern mhux jitratta din il-proposta bis-serjetà. Għall-gvern din hi bajtra tax-xewk propju għaliex il-gvern hu inkopetenti.

Hu tkellem dwar it-turiżmu u qal li dawn huma miżura għall-perjodu qasir meta l-ħtieġa hi li jkun hemm soluzzjonijiet fit-tul.