Lokali

Inkjesta maġisterjali dwar l-allegat theddid abbord il-Captain Morgan

Preżentament għaddejja inkjesta maġisterjali dwar l-allegat theddid li seħħ abbord il-vapur Europa II tal-Captain Morgan, kif irrakkontat mill-Prim Ministru Robert Abela.

Il-vapur daħal Malta, flimkien mat-tlieta l-oħra, is-Sibt filgħaxija b’madwar 425 immigrant illegali abbord. Dan wara li allegatament abbord l-Europa II xi persuni heddew lill-membri tal-ekwipaġġ u membri tas-sigurtà b’xi skieken li rnexxielhom jaħtfu mill-kċina.

Dan ikkonfermawh ma’ NET NEWS kelliema għall-Korp tal-Pulizija fejn ikkonfermaw li dawn l-allegazzjonijiet ta’ theddid qed jiġu investigati, allegazzjonijiet li wara aktar minn xahar bejn sema u ilma waslu sabiex l-immigranti ddaħħlu fix-xatt tal-Isla.

Dan filwaqt li b’rabta mal-każ infetħet inkjesta maġisterjali li qed titmexxa mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras.