Kunsilli Lokali Lokali

Kunsillier tal-PN jipproponi biex jinqata’ t-tipjip fl-Għadira

Wasal iż-żmien li ċ-ċittadini jsemmgħu leħinhom dwar x’jixtiequ li jkun hemm fuq il-bajjiet tagħna. Hekk sostna l-Kunsillier Nazzjonalista fil-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, Gabriel Micallef hekk kif qed jimbotta ‘l quddiem sabiex f’pajjiżna jkollna l-ewwel bajja, ‘cigarette-free‘, fejn it-tipjip ikun ipprojbit.

Huwa spjega li fl-aħħar ġimgħat irċieva numru kbir ta’ e-mails minn residenti li jinsabu mħassba dwar l-ammont ta’ filters ta’ sigaretti li qed jinstabu fuq il-bajjiet tal-Mellieħa, u għaldaqstant Micallef ħoloq stħarriġ fuq il-midja soċjali bil-għan li jisma’ aktar l-opinjoni tar-residenti tal-lokal dwar is-suġġett.

Gabriel Micallef spjega li l-bajja fejn din il-miżura għandha tiġi implimentata hija l-Għadira l-għaliex hija mmexxiha mill-Awtoritajiet u għaldaqstant aktar faċli sabiex timplimenta dawn il-miżuri. Il-Kunsillier Nazzjonalista saħaq li min ipejjep, ikun jista’ jagħmel dan f’żoni mgħammra apposta.

Huwa saħaq li din id-deċiżjoni ser tkun qed twassal ukoll għal esperjenza isbaħ għat-turist f’Malta – b’arja aktar friska b’inqas dħaħen tas-sigaretti.

Bosta appoġġjaw din l-inizjattiva, wirja ċara li ankè mill-minoranza, il-Kunsillieri tal-PN jagħml d-differenza għar-residenti u l-lokalitajiet li jirrappreżentaw.