Internazzjonali

Lesti jiddikjaraw Stat tal-Palestina fil-każ li Iżrael jgħaqqad ix-Xatt tal-Punent ma’ artu

Il-Palestinjani jinsabu lesti biex jiddikjaraw Stat tal-Palestina b’sovranità sħiħa fuq ix-Xatt tal-Punent u Gaza, f’każ li Iżrael jippersisti bi pjani biex jgħaqqad iz-zoni tax-Xatt tal-Punent li qiegħed jokkupa mat-territorju tiegħu.

F’każ li l-Iżraeljani jikkonkludu t-tragward, il-Palestinjani lesti wkoll biex jiddikjaraw il-belt ta’ Ġerusalemm bħala ‘il-kapitali tal-Palestina’ filwaqt li jinsistu għall-għarfien globali tal-Istat tagħhom.

Il-Prim Ministru Palestinjan, Mohammad Shtayyeh, għamel ċar l-istrateġija tal-poplu tiegħu fis-sitwazzjoni delikata. Hu fisser il-possibbiltà li x-Xatt tal-Punent jispiċċa anness ma’ Iżrael bħala ‘theddida kbira għall-isforzi internazzjonali biex l-Iżraeljani u l-Palestinjani jilħqu ftehim li jippermetti l-eżistenza ta’ żewġ Stati qrib xulxin’.

Kien il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, li ddettalja l-pjan biex ix-Xatt tal-Punent okkupat, ‘il quddiem, jifforma parti minn Iżrael.

Sadanittant, Shtayyeh qed jgħid ‘li l-Palestina mhix se tibqa’ tistenna l-konferma tal-istatus tagħha ( bħala Stat) sempliċiment biex tonora l-ftehim li ntlaħqu ma’ Iżrael fil-passat, f’każ li l-Iżraeljani jaħtfu l-art tax-Xatt tal-Punent għalihom.’ Hu kompla li l-Iżraeljani jridu jonoraw l-impenji li daħlu għalihom għall-ko-eżistenza paċifika bejn żewġ Stati f’zona waħda.

Mohammad Shtayyeh qal ukoll li qed imexxi inizjattiva biex tiżdied il-pressjoni diplomatika fuq Iżrael fuq livell internazzjonali. Hu irid li l-potenzi tad-dinja jheddu lill-Gvern ta’ Netanyahu bis-sanzjonijiet ‘bħala sinjal li Iżrael mhux bilfors trid tgħaddi tiegħu f’kollox, irrispettivament mill-konsegwenzi’.

Kien hemm drabi, fil-passat, meta l-Mexxejja Palestinjani dikjaraw ‘Stat tal-Palestina’ u fl-2012, il-Palestina kienet kisbet l-istatus ta’ Stat osservatur man-Nazzjonijiet Uniti. Madankollu ma kienx hemm għarfien internazzjonali sħiħ għal dan l-istatus — partikularment minħabba li t-territorji tal-Palestinjani baqgħu okkupati minn Iżrael.

Hu proprju minħabba l-fatt li l-qawwiet Iżraeljani qegħdin jikkontrollaw l-artijiet tal-Palestinjani li kwalunkwe dikjarazzjoni ta’ Stat tal-Palestina trid titqies, fil-parti kbira, bħala ġest simboliku.