Internazzjonali

Magħruf min qatel l-eks PM Żvediż Olof Palme

Il-prosekuturi Żvediżi saħqu li jemmnu li jafu min qatel l-eks Prim Ministru Żvediż Olof Palme lura fl-1986, madanakollu sostnew li s-suspettat huwa mejjet.

Is-suspettat ġie identifikat bħala Stig Engstrom, magħruf ukoll bħala Skandia Man, proprju x-xhud prinċipali f’dan il-qtil – li wettaq suwiċidju lura fis-sena 2000.

Il-Kap Prosekutur Krister Petersson sostna li wara 34 sena l-investigazzjoni dwar dan il-każ li xxokkja l-pajjiż u l-bqija tal-Ewropa, ġiet fi tmiemha.

Palme inqatel permezz ta’ tir f’dahru waqt li kien miexi lura d-dar tiegħu fi Stokkolma kif kien ġej lura miċ-ċinema flimkien ma’ martu. Il-każ seħħ fi triq prinċipali quddiem madwar 20 persuna li ġew mitkellma mill-Pulizija, inkluż Engstrom.

Kien proprju ġurnalist li xeħet is-suspetti fuq Engstrom, 18-il sena wara mewtu. Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li l-mottiv dwar l-omiċidju kien minħabba t-twemmin politiku tal-Prim Ministru.