Lokali

Konrad Mizzi jirritorna, imma Abela ma kellmux

Hekk kif issa l-eks Ministru Konrad Mizzi jinsab lura f’pajjiżna, dalgħodu, il-Prim Ministru Robert Abela kien mistoqsi jekk ir-ritorn ta’ Mizzi mat-tħabbir ta’ isem Angelo Gafà bħala l-favorit għall-kariga ta’ Kummissarju kinitx mossa maħsuba, b’Abela jwieġeb: “Allaħares huwa hekk… u mhuwiex hekk”.

L-eks Ministru Konrad Mizzi, li ismu huwa sinonimu ma’ skandli fl-akbar kuntratti ta’ Gvern Laburista fl-aħħar snin, fosthom dawk tal-Power Station u tal-bejgħ tal-ispjtarijiet tal-Maltin, baqa’ ‘l bogħod minn pajjiżna għal xhur sħaħ għax qal li kien ma jiflaħx, u wasal lura lbieraħ.

Għall-mistoqsija dwar jekk kellimx lil Mizzi mill-wasla tiegħu, Robert Abela qal li għadhom ma tkellmux, u dwar jekk jemminx li Mizzi kien vera ma jiflaħx, Abela qal li jekk l-ispeaker ma jemminx li Mizzi kien ma jiflaħx, tibqa’ fid-diskrezzjoni tiegħu, u “jekk ma jemmnux iwaħħlu l-multa, u jekk jemmnu jkun skużat”.

Id-deputat Laburista kien rriżenja minn Ministru tat-Turiżmu fis-26 ta’ Novembru f’nofs il-kriżi politka li kien hawn fil-pajjiż u fl-eqqel ta’ allegazzjonijiet serji fil-konfront tiegħu.

Madanakollu ġimghatejn wara, hu kien ingħata kuntratt ta’ konsulenza mal-Awtorita’ tat-Turizmu b’paga ta’ 24,000 ewro aktar minn kemm kien idahhal bħala Ministru. Dan il-kuntratt kien inżamm sigriet mill-Gvern u malli inkixef mill-media, il-kuntratt twaqqaf.