Lokali Qorti

NIKKONFERMAW: Il-Kabinett kollu ta’ Robert Abela taħt investigazzjoni kriminali

Il-Ministri f'riskju ta' bejn sentejn u sitt snin priġunerija kull wieħed

Il-Kabinett kollu tal-Prim Ministru Robert Abela huwa uffiċjalment taħt investigazzjoni kriminali dwar użu ħażin ta’ fondi pubbliċi fuq il-midja soċjali.

Dan ġie żvelat mis-sit LovinMalta fejn ġie spjegat li l-Maġistrat Doreen Clarke qed tmexxi inkjesta maġisterjali, filwaqt li l-Ispettur tal-Pulizija Rennie Stivala mill-Economic Crisis Unit qed imexxi l-investigazzjoni tal-Pulizija. Net News ikkonferma dan b’mod indipendenti.

L-istorja żviluppat wara li l-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler ippubblika rapport li wera li numru ta’ Ministri u Segretarji Parlamentari kienu qed jagħmlu użu ħażin mir-riżorsi pubbliċi.

Fost oħrajn il-Ministri kienu qed jużaw dawn il-fondi fil-paġni ta’ Facebook personali tagħhom.

Figuri ppublikati snin ilu urew li l-Ministeri tal-Gvern Laburisti nefqu tal-inqas €1.2 miljun fuq social media, iżda fil-maġġoranza tagħhom il-ministeri lanqas biss kellhom jew saħansitra għad m’għandhomx sal-ġurnata tal-lum, paġna uffiċjali fuq Facebook.

Wara appell li sar mill-Partit Nazzjonalista, kif ukoll minħabba li n-National Audit Office (NAO) ma kellhiex biżżejjed riżorsi biex tibda investigazzjoni, il-każ għadda f’idejn il-Pulizija.

Ta’ min wieħed jinnota li skont il-Kodiċi Kriminali ta’ Malta, jekk uffiċjal pubbliku jagħmel użu ħażin mill-fondi pubbliċi fdati lilu għal gwadann personali – jista’ jeħel bejn sentejn u sitt snin priġunerija kif ukoll jeħel interdizzjoni ġenerali b’mod perpetwu. Dan ifisser li l-persuna inkwistjoni jitlef l-impjieg tiegħu fl-uffiċċju pubbliku u jitlef ukoll id-dritt tal-vot.

Rigward dan il-każ, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-każ kien magħluq u li issa l-membri tal-kabinett tiegħu kienu ser isegwu linji gwida uffiċjali. Wiegħda simili kien għamel l-eks Prim Ministru Joseph Muscat lura fl-2018 meta l-istess sit Lovin Malta kien ġibed l-attenzjoni dwar kif il-Gvern kien qed jagħmel użu ħażin mill-midja soċjali.