Lokali

“Numru ta’ immigranti se jitkeċċew miċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far” – il-komunità tal-Eritrea f’Malta

Ritratt: Arkivji

11-il ġurnata oħra numru ta’ immigranti residenti fil-Ħal Far Tent Village ser jispiċċaw bla saqaf fuq rashom.

Dan ħabbruh kelliema għall-komunità tal-Eritrea f’Malta fejn spjegaw numru ta’ residenti ġew mgħarfa li fil-21 ta’ Ġunju, preċiżament fis-2pm, dawn ser ikunu qed jitkeċċew miċ-ċentru miftuħ. Kelliema għall-komunità saħqu li għaldaqstant numru ta’ persuni se jispiċċaw fit-triq sabiex isibu forma ta’ kenn.

Minkejja li fosthom hemm min jaħdem, il-komunità spjegat li ma ngħatawx biżżejjed ċans isibu residenza oħra fejn joqgħodu wara li jitkeċċew miċ-Ċentru Miftuħ li ilhom isejħu bħala darhom għall-aħħar sena.

Fosthom hemm ukoll immigranti li intqal lilhom li kienu ser jiġu rilokati f’pajjiż ieħor. Madanakollu, tħallew fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far u s’issa baqgħu Malta.

Għaldaqstant il-komunità saħqet li minkejja l-ħidma li tagħmel sabiex nies partikolarment f’dan il-każ mill-Eritrea jintegraw fis-soċjetà Maltija, pass bħal dan huwa ta’ daqqa kbira għal ambjent inklussiv għal kulħadd.

Huma spjegaw li din is-sitwazzjoni hija ta’ toqol kbir fuq is-saħħa mentali tal-immigranti bil-biża’ li għada, pitgħada jispiċċaw fit-triq mingħajr ebda saqaf fuq rashom.